19.12.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/13
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2009 minn Athinaïki Techniki AE mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’Awla) mogħti fid-29 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-94/05, Athinaïki Techniki AE vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-362/09 P)
2009/C 312/21
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Athinaïki Techniki AE (rappreżentant: S. A. Pappas, avukat)
Appellati: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Athens Resort Casino AE Symmetochon
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet ikkontestat,
—
tilqa’ t-talbiet ppreżentati fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Skont l-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kundizzjonijiet għal-legalità tal-irtirar ta’ att amministrattiv. Fil-fatt, sabiex ikun validu l-irtirar jippreżupponi li l-illegalità tal-att tkun ikkonstatata u li r-revoka tiegħu issir f’terminu raġonevoli. Issa, f’dan il-każ, l-irtirar tal-att tal-Kummissjoni sar iktar minn erba’ snin wara l-adozzjoni tiegħu u ma ngħatat ebda motivazzjoni.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, Athinaiki Techniki ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni li hija kienet qajmet dwar l-abbuż ta’ poter. Fil-fatt, billi rtirat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma riditx tirtira l-att inkwistjoni sabiex tirrispetta l-prinċipju ta’ legalità, iżda sabiex tevita li tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja.
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkonstata li l-interess tagħha li tikseb sentenza ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni għadu jeżisti, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fid-digriet ikkontestat. Il-konsegwenzi tal-irtirar tal-att inkwistjoni mill-Kummissjoni fil-fatt ma jistgħux ikunu limitati għal sempliċi ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami preliminari. Mis-sentenza ta’ annullament jitnissel l-obbligu, għall-Kummissjoni, jew li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal–għajnuna mill-Istat, jew li tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jikkanċella jew jimmodifika l-għajnuna inkwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-unika konsegwenza ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata kienet l-obbligu li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami preliminari.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-awtorità tar-res judicata li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża konnessa C-521/06 P. Fil-fatt minn din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tħalli li jibqa’ jippersisti stat ta’ nuqqas ta’ azzjoni amministrattiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat. Issa, permezz tal-irtirar tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni preċiżament reġgħet marret lura għal stat ta’ nuqqas ta’ azzjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta bl-ebda mod ma kkritikat dan, kienet wettqet żball ta’ liġi addizzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy