7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/50
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division fl-14 ta’ Settembru 2009 — Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs vs Isaac International Limited
(Kawża C-371/09)
2009/C 267/84
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs
Konvenuta: Isaac International Limited
Domandi preliminari
1)
F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn importatur huwa stabbilit u jopera f’żewġ Stati Membri u jimporta oġġetti f’wieħed mill-Istati Membri u immedjatament jittrasportahom għal Stat Membru l-ieħor, l-awtorizzazzjoni ta’ użu partikolari meħtieġa għall-iskop li tinkiseb eżenzjoni mid-dazju antidumping skont l-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 88/97 (1) tinvolvi iktar minn awtorità doganali waħda għall-finijiet tal-Artikolu 292(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 (2)?
2)
F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn importatur naqas milli jikseb l-awtorità neċessarja għall-proċedura ta’ użu partikolari msemmija fl-Artikoli 14(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 88/97, tista’ madankollu tapplika eżenzjoni mid-dazju antidumping skont l-Artikolu 212a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92? (3)
3)
Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun affermattiva, fl-evalwazzjoni jekk kummerċjant f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Isaac kienx manifestament negliġenti,
a)
id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni 88/97 u tal-Artikolu 292(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 huma ċari biżżejjed sabiex kummerċjant li naqas milli jikkonstata, billi jikkonsulta l-Ġurnal Uffiċjali, li l-awtorizzazzjoni sempliċi ma kinitx disponibbli għalih minħabba l-involviment ta’ iktar minn awtorità doganali waħda, għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament negliġenti?
b)
Sussidjarjament, jekk id-dispożizzjonijet rilevanti jiġu kkunsidrati bħala kumplessi, il-kummerċjant huwa obbligat jitlob kjarifika mill-awtoritajiet fiskali qabel ma jagħmel l-importazzjonijiet? Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk il-kummerċjant, suġġettivament, imma b’mod żbaljat, ikun ikkonkluda li d-dispożizzjonijiet rilevanti kienu ċari fl-applikazzjoni tagħhom?
c)
F’sitwazzjoni bħal dik ta’ Isaac, li l-kummerċ prinċipali tagħha huwa li timporta partijiet għar-roti miċ-Ċina, li timpjega ħames membri tal-persunal sabiex jamministraw l-importazzjoni, u għamlet 33 importazzjoni simili f’perijodu ta’ 16-il xahar, kif għandha tiġi kklassifikata l-esperjenza tal-kummerċjant? B’mod partikolari, kummerċjant bħal dan għandu jiġi kkunsidrat tal-esperjenza?
d)
L-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru, filwaqt li jevalwaw jekk kummerċjant, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Isaac, kienx manifestament negliġenti, huma intitolati jibbażaw fuq leġiżlazzjoni ppubblikata bħall-UK Tariff li, minkejja li hija disponibbli għal konsultazzjoni mingħajr ħlas fi ħdan ċerti uffiċjali tal-awtoritajiet fiskali u libreriji pubbliċi oħrajn, hija disponibbli fuq l-internet biss bil-ħlas ta’ abbonament annwali?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97 tal-Kunsill, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 tal-Kunsill, ĠU L 17, p. 17
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, ĠU L 253, p. 1
(3) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ĠU L 302, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy