19.12.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil (Spanja) fl-1 ta’ Ottubru 2009 — Entidad De Gestión De Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA) vs Magnatrading SL
(Kawża C-387/09)
2009/C 312/30
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado Mercantil no 1 de Santa Cruz de Tenerife
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Entidad De Gestión De Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA)
Konvenuta: Magnatrading SL
Domandi preliminari
(1)
Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE (1) huwa kunċett Komunitarju ġdid li għandu jiġi interpretat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea?
(2)
Fil-każ li r-risposta għal-ewwel domanda tkun fl-affermattiv
2.1.
Fil-każ li jkun hemm sistema nazzjonali ta’ remunerazzjoni ġusta għal ikkuppjar privat qabel ma tkun daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2001/29/KE, għandhom id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu interpretati “b’mod konformi” mal-kunċett ġdid ta’ “kumpens ġust” għal ikkuppjar privat wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Direttiva 2001/29?
2.2.
Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal ikkuppjar privat previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva kif ukoll il-kriterji li jinsabu fil-ħamsa u tletin premessa tad-Direttiva sabiex jiġi ddeterminat it-tagħmir suġġett għall-ħlas tal-kumpens ġust u l-ammont ta’ dan?
F’każ affermattiv, huwa konformi mal-kunċett Komunitarju ta’ “kumpens ġust għal ikkuppjar privat” (a) li jiġi stabbilit obbligu ta’ ħlas tal-kumpens fir-rigward ta’ tagħmir intiż għal finijiet personali u professjonali minbarra l-“ikkuppjar privat” u/jew (b) li jiġi stabbilit ammont fiss li ma jiħux inkunsiderazzjoni la l-użu tat-tagħmir għal finijiet ta’ ikkuppjar privat u lanqas tad-dannu li jista’ jirriżulta minn dan l-użu, filwaqt li jiġu suġġetti wkoll għall-ħlas tal-kumpens is-sitwazzjonijiet li fihom ma hemmx dannu jew id-dannu jkun minimu?
2.3.
Hija konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, sistema li, filwaqt li tistabbilixxi limitu għal ikkuppjar privat, timponi obbligu ġenerali ta’ ħlas tal-kumpens ġust għal kategoriji speċifiċi ta’ tagħmir jew aċċessorji (pereżempju s-CDs tal-informatika rreġistrabbli CD-R u DVD-R tad-data), indipendentement mill-fatt li dawn ikunu nxtraw minn individwi għal użu privat jew minn individwi għal użu professjonali, sabiex jipproduċu jew iżommu l-informazzjoni tagħhom stess jew sabiex jissodisfaw obbligi legali, jew minn persuni ġuridiċi li fl-ebda każ ma jibbenefikaw mill-eċċezzjoni għal ikkuppjar privat?
(3)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv
3.1.
Dan ifisser li l-Istati Membri jibqgħu kompletament liberi li jistabbilixxu l-kriterji u l-mekkaniżmi li jiddeterminaw it-tagħmir li jkun suġġett għall-ħlas tal-kumpens ġust għal ikkuppjar privat u kif ukoll l-ammont ta’ dan jew jeżistu ċerti limiti għal din il-libertà u, jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-limiti?
3.2.
Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom id-dritt jawtorizzaw terzi privati li jirċievu l-kumpens għal xogħlijiet li jkunu ġew volontarjament assenjati b’mod gratuwitu lil soċjetà mill-awturi tagħhom, permezz ta’ liċenzji, jew jeżistu ċerti limiti għal dan id-dritt u, jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-limiti?
3.3.
Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom id-dritt jawtorizzaw terzi privati li jipperċepixxu l-kumpens minn utenti meta dawn tal-aħħar josservaw regola ta’ applikazzjoni ġenerali ġuridikament vinkolanti jew jeżistu ċerti limiti għal dan id-dritt u, jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-limiti?
(1) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
ĠU L 167, p. 10
Full & Egal Universal Law Academy