16.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 11/16
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-407/09)
2010/C 11/27
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Kontou-Durande u A.-M. Rouchaud-Joët)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2007 fil-Kawża C-26/07, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) tat-Trattat KE;
—
tordna lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, is-somma ta’ EUR 72 532,80 proposta bħala penalità għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-26/07, mill-ġurnata li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-jum li fih tikkonforma ruħha mas-sentenza fil-Kawża C-26/07;
—
tordna lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 10 512 għal kull jum ta’ dewmien mill-jum li fih ngħatat is-sentenza fil-Kawża C-26/07 sal-jum li fih tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti, jew il-jum li fih jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza fil-Kawża C-26/07 jekk dan iseħħ qabel;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
F’din il-kawża, ir-Repubblika Ellenika għadha ma adottatx il-liġijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80/KE fis-sistema legali Griega.
Għaldaqstant, huwa ċar li r-Repubblika Ellenika għadha ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Kawża C-26/07, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja.
Skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 228(2) tat-Trattat KE, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ammont tas-somma f’daqqa u/jew il-pagament ta’ penalità li hija tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat għandu jħallas skont iċ-ċirkustanzi. Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi pagament ta’ penalità u somma f’daqqa lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fil-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, tikkunsidra tliet kriterji fundamentali meta tiddetermina l-ammont propost: (a) il-gravità tal-ksur; (b) it-tul tal-ksur; u (ċ) in-neċessità li jiġi żgurat li l-penalità sservi bħala deterrent.
Analiżi tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’din il-kawża twassal għall-konklużjoni li t-tul tal-ksur u l-effetti tiegħu fuq interessi pubbliċi u privati huma sostanzjali u jiġġustifikaw impożizzjoni tal-penalitajiet finanzjarji proposti.
Kif jidher mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri kollha ħlief il-Greċja ttrasponew id-Direttiva fid-dritt nazzjonali u jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa mid-Direttiva.
In-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fis-sistema legali Griega jostakola l-kisba tal-għan fundamentali ta’ moviment liberu tal-persuni f’żona komuni ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. L-effetti fuq l-interessi ta’ natura ġenerali u individwali huma għaldaqstant ferm sostanzjali.
Full & Egal Universal Law Academy