30.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/30
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2009 minn Royal Appliance International GmbH mis-sentenza mogħtija fil-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-15 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-446/07, Royal Appliance International GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); partijiet oħra fil-proċeduri: BSH Bosch u Siemens Hausgeräte GmbH
(Kawża C-448/09)
2010/C 24/56
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Royal Appliance International GmbH (rappreżentanti: K.-J. Michaeli, u M. Schork, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri:
—
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
—
BSH Bosch u Siemens Hausgeräte GmbH
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2009, fil-Kawża T-446/07;
—
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Ottubru 2007, fil-Każ R 572/2006-4;
—
tikkundanna lill-appellat u l-intervenjenti għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell preżenti huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li permezz tagħha ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzjoni fis-Suq Intern tat-3 ta’ Ottubru 2007. Il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Bord tal-Appell isostnu li, fir-rigward tal-prodott “vacuum cleaner”. hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Ġermaniża “sensixx” invokata fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni “Centrixx”. Minħabba raġunijiet ġuridiċi, it-trade mark invokata fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ġiet revokata, għal prodotti “vacuum cleaners”, wara l-jum li fih ingħatat deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u qabel ma saru t-trattazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet talba għas-sospensjoni immedjata u kkunsidrat li r-revoka tat-trade mark invokata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienet legalement irrilevanti, peress li tali fatt ma jagħmilx parti mill-kuntest sostanzjali u legali tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, u għalhekk, lanqas ma kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
L-appellanti hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti legali tal-motivi ta’ sospensjoni tal-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, peress li ma kkunsidratx ir-revoka tat-trade mark invokata fil-kuntest tal-proċidementi ta’ oppożizzjoni. Il-bidla, li f’dan il-każ hija deċiżiva, tal-fatti inkwistjoni tirrigwarda l-validità tat-trade mark invokata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, u ma tistax tiġi affettwata mill-appellanti. Tali bidla tneħħi l-motiv ta’ oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark u kellha tiġi obbligatorjament ikkunsidrata. Din l-implikazzjoni tirriżulta mid-dritt fundamentali tal-appellanti għall-proprjetà, dritt li jinkludi wkoll t-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark. Peresss li rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preċedenti tal-kanċellament tal-Oberlandesgericht München rigward it-trade mark li ġiet invokata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet xebh bejn is-sinjali kummerċjali li jikkostitwixxu ż-żewġ trade marks, li meta ttieħdet id-deċiżjoni, wieħed minnhom ma kienx validu. B’dan il-mod, din kisret l-Artikolu 45 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament dwar it-trade mark Komunitarja”), peress li ma kienx hemm drittijiet ta’ terzi meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tal-fatt li l-kanċellament tat-trade mark invokata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kien diġà ċert. L-istess qrati Komunitarji kkonstataw eċċezzjonijiet għar-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti ġodda, peress li kienu jistabbilixxu li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-qrati nazzjonali setgħu jiġu kkunsidrati anki kieku ġew ippreżentati l-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan għandu jkun il-każ peress li l-appellanti ma tistax tinfluwenza il-mument tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li, bħal f’dan il-każ, saret ftit qabel ma skada l-perijodu ta’ grazzja tal-użu, sa fejn il-mument li fih tingħata d-deċiżjoni jagħmel parti mid-diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell. Deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li hija bbażata fuq motivazzjoni daqstant arbitrarja tikkuntrasta mat-tifsira u mal-għan tad-dritt Komunitarju tat-trade marks.
Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssodisfatx b’mod sodisfaċenti l-obbligu tagħha ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni. Għalhekk, hija ma kkunsidratx il-fatti rilevanti dwar il-prodotti inkwistjoni u l-effett tagħhom fuq il-konsumatur, u għalhekk applikat kriterji żbaljati ta’ evalwazjoni rigward il-kwistjoni marbuta mal-grad ta’ attenzjoni u max-xebh tal-prodotti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx sew l-aspetti komuni u d-differenzi bejn it-trade marks fir-rigward tax-xebh tagħhom u għalhekk, ħadet bħala punt ta’ tluq, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom fir-rigward tal-forma bil-miktub, aspetti irrilevanti komuni bejniethom. Din ma kkunsidratx id-deċiżjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fil-Ġermanja u saħħet il-profil ta’ kunflitt invokat fil-kawża fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku u kunċettwali biss safejn irrikonoxxiet xebh mat-terminu “center”, iżda mhux rabta ma’ tali kunċett. Il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat ir-regoli fundamentali tal-perċezzjoni fonetika, peress li aċċettat, għat-terminazzjoni “xx”, pronunzja partikolari u interpretat b’mod żbaljat l-argument tar-rikorrenti, billi qieset li r-rikorrenti ma kinitx attribwixxiet sinjifikat ċar lill-ebda miż-żewġ trade marks. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset b’mod żbaljat ir-rekwiżiti tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li ma kkunsidratx il-problema tal-grad ta’ attenzjoni mill-pubbliku meta sar il-bejgħ u għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-perċezzjonijiet viżivi u fonetiċi tat-trade mark għandhom jitqiesu b’mod ekwivalenti.
Full & Egal Universal Law Academy