30.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/34
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2009 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) fl-4 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-211/05, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-458/09 P)
2010/C 24/63
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: G. Palmieri, aġent)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara l-appell ammissibbli;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-211/05 (Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni), innotifikata permezz ta’ ittra rreġistrata tal-4 ta’ Settembru 2009 Nru 405966 riċevuta fit-8 ta’ Settembru 2009 u, konsegwentament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/261/KE, tas-16 ta’ Marzu 2005, dwar l-iskema ta’ għajnuna C8/2004 (ex NN 164/2003) implementata mill-Italja favur kumpanniji reċentement ikkwotati fil-borża (innotifikata bin-numru C(2005) 591).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju. Ksur tal-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999 (1) (“proċedura għajnuna mill-Istat”), tal-Artikolu 88(2) KE u tal-prinċipju tal-kontradittorju. Żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dokumenti.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li permezz tal-ittri ta’ Ottubru u ta’ Diċembru 2003 mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Italja, kienet inbdiet diskussjoni preliminari effettiva dwar il-miżuri introdotti mid-Digriet-Liġi Nru 326/2003. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx li dawn l-ittri kienu jikkonsistu biss f’talbiet ġenerali u fl-affermazzjoni negattiva li “ma jistax jiġi eskluż” li l-miżuri kienu jinkludu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.
It-tieni aggravju. Ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju.
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet is-selettività tal-miżuri fil-fatt li l-vantaġġi fiskali previsti kienu jeskludu l-kumpanniji li ma kinux stabbiliti fl-Italja. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri kienu selettivi minħabba li l-vantaġġi fiskali kienu jibbenefikaw ħafna iktar lill-kumpanniji stabbiliti fl-Italja, peress li dawn huma ntaxxati fuq il-profitt magħmul fuq livell dinji, milli lill-kumpanniji Komunitarji, li fl-Italja huma ntaxxati biss fuq il-profitt magħmul f’dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni qatt ma avżat lill-Gvern Taljan dwar dan it-tibdil fl-approċċ, u qatt ma tagħtu l-opprortunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrat l-azzjoni tal-Kummissjoni bħala legali.
It-tielet aggravju. Ksur tal-Artikolu 87(1) KE.
Fi kwalunkwe każ, tnaqqis bħal dak inkwistjoni fil-kawża, li għalih huma ammessi l-kumpanniji kollha, kemm Taljani kif ukoll Komunitarji, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kkwotati f’suq regolat tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala selettiv. L-ikbar vantaġġ għall-kumpanniji Taljani jirriżulta mis-sistema fiskali li tipprevedi t-tassazzjoni abbażi tal-kriterju ta’ residenza, iżda sempliċi differenza fid-daqs tal-vantaġġ bejn kumpanniji li huma indistintament inklużi fil-miżura ta’ tnaqqis ma tistax tiddetermina n-natura selettiva tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrat li s-selettività tista’ tikkonsisti anki f’tali differenza.
Ir-raba’ aggravju. Ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Nuqqas ta’ motivazzjoni.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrat li l-miżura kienet selettiva inkwantu mhux il-kumpanniji kollha huma ammessi għaliha. Fil-fatt, huma ammessi għaliha l-kumpanniji kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu kkwotati f’suq regolat. Barra minn hekk, l-għażla ta’ kwotazzjoni tinvolvi spejjeż strutturali sinjifikattivi ħafna li kumpanniji li mhumiex ikkwotati m’għandhomx. L-għażla tal-kumpanniji ammessi ssir abbażi ta’ dawn l-elementi oġġettivi, u t-tnaqqis huwa koerenti u marbut mas-sitwazzjoni differenti tal-ispejjeż fuq livell strutturali li fiha jinsabu ż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji. Dan jimplika li l-miżura hija ta’ applikazzjoni ġenerali u mhux selettiva. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ppreżentatx motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-provi prodotti mill-Italja f’dan ir-rigward.
Il-ħames aggravju. Ksur tal-Artikolu 87(1) KE
Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrat li l-miżuri huma, fi kwalunkwe każ, selettivi fid-dawl tat-terminu qasir tagħhom li jeskludi l-kumpanniji li jiddeċiedu li jiġu kkwotati f’data sussegwenti. In-natura temporanja tat-tnaqqis huwa spjegat fil-fatt mill-ekwilibriji ta’ baġit u min-natura esperimentali tal-miżuri, iżda m’għandu ebda influwenza fuq l-istruttura tagħhom, li huwa l-uniku kriterju li abbażi tiegħu għandu jiġi evalwat jekk il-miżuri humiex selettivi jew le.
Is-sitt aggravju. Ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Nuqqas ta’ motivazzjoni.
Il-miżuri, anki jekk huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ), inkwantu għajnuna għall-investiment sabiex titwettaq attività partikolari. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta kkunsidrathom bħala għajnuna għall-operat, billi injorat in-natura permanenti tal-effetti li l-kwotazzjoni tipproduċi fl-istruttura u fin-natura operattiva tal-kumpannija, u meta ma kkunsidratx li ż-żieda tal-kwotazzjonijiet fi swieq regolati tikkostitwixxi attività kkunsidrata bħala li jistħoqqilha promozzjoni, anki fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha kkritikat lill-Kummissjoni talli eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam mingħajr ma bbażat ruħha fuq stabbiliment tal-fatti korrett.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.
Full & Egal Universal Law Academy