30.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/36
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2009 minn Inalca SpA — Industria Alimentari Carni u Cremonini SpA mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-174/06, Inalca SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-460/09 P)
2010/C 24/65
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Inalca SpA — Industria Alimentari Carni u Cremonini SpA (rappreżentanti: F. Sciandone u C. D’Andria, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
Tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi l-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipprovdi;
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura u ta’ dawk inkorsi fil-Kawża T-174/06.
Aggravji u argumenti prinċipali
A.
Fuq id-distinzjoni bejn il-kriterju proċedurali li jirrigwarda l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-verifika ta’ jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà: (i) kontradizzjoni fil-motivazzjoni u (ii) ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja
Il-motivazzjoni tad-digriet appellat tirriżulta li hija manifestament kontradittorja fil-parti fejn, minn naħa, tirreferi għall-ġurisprudenza Komunitarja stabbilita, li skontha t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jibda jiddekorri biss meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom l-obbligu ta’ kumpens għad-dannu huwa suġġett, u b’mod partikolari, meta d-dannu li għandu jiġi kkumpensat ikun fil-fatt sar u, min-naħa l-oħra, tiċħad l-argument tar-rikorrenti li l-effetti dannużi tal-ittra inkwistjoni ġew ikkawżati b’ċertezza biss mal-att tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 (1).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-ġurisprudenza Komunitarja meta ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni b’riferiment għad-danni materjali inkorsi mir-rikorrenti.
B.
Fuq il-preskrizzjoni tar-rikors b’riferiment għall-ispejjeż ta’ assistenza u konsulenza legali u għall-ispejjeż tal-persunal: (i) motivazzjoni kontradittorja u manifestament illoġika u (ii) ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja
Il-motivazzjoni tad-digriet appellat hija b’mod ċar kontradittorja, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza tistipula fl-ewwel lok prinċipju ġenerali fil-qasam tad-danni ta’ natura kontinwa, biex imbagħad ma applikatx dan il-prinċipju ġenerali fl-ambitu tad-determinazzjoni tan-natura (istantanja jew altrimenti) tal-ispejjeż ta’ assistenza u konsulenza legali u tal-ispejjeż tal-persunal. Din hija vvizjata wkoll minħabba li hija manifestament illoġika, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, irrikonoxxiet in-natura kontinwa tal-ispejjeż inkorsi għall-kostituzzjoni tal-polizze fideiussorie (poloz ta’ garanzija), filwaqt li, min-naħa l-oħra, eskludiet in-natura kontinwa tal-ispejjeż ta’ assistenza legali, li ġew inkorsi wkoll matul is-snin, fil-mori tad-diversi proċeduri li saru wara l-investigazzjoni tal-OLAF.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkontradixxiet il-ġurisprudenza tagħha stess li, matul is-snin, irrikonoxxiet in-natura mhux istantanja tas-servizzi ta’ konsulenza legali.
C.
Fuq l-inammissibbiltà tat-talba għal kumpens għad-danni ta’ lucrum cessans: interpretazzjoni żbaljata tal-argumenti u ksur tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, u interpretat ħażin l-argumenti tar-rikorrenti, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-diversi elementi ta’ prova mressqa fir-rikors u meta kkonkludiet li t-talba għal kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti taħt il-forma ta’ lucrum cessans kienet nieqsa mill-preċiżjoni meħtieġa.
D.
Fuq id-danni morali: ksur tal-ġurisprudenza u motivazzjoni manifestament illoġika
Meta attribwiet għad-danni morali natura istantanja u mhux kontinwa, mingħajr ma qieset il-karatteristiċi partikolari tad-danni morali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret b’mod ċar il-ġurisprudenza Komunitarja. Id-digriet appellat huwa vvizzjat ukoll minħabba li huwa manifestament illoġiku, peress li sabiex tiġġustifika n-natura mhux kontinwa tad-danni morali, il-Qorti tal-Prim’Istanza ibbażat ruħha fuq ġurisprudenza li tikkonċerna biss id-danni materjali.
E.
Fuq id-danni morali: ksur tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ksur tal-ġurisprudenza fil-qasam tad-danni morali u motivazzjoni manifestament illoġika
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 44(1)(ċ) meta kkonkludiet li t-talba għal kumpens għad-danni morali kienet inammissibbli minħabba nuqqas tal-preċiżjoni meħtieġa, inkwantu r-rikorrenti ma llimitawx ruħhom għal ilment dwar preġudizzju ġeneriku immaterjali, iżda pprovdew lill-Qorti tal-Prim’Istanza diversi provi li madankollu ġew kompletament injorati.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tal-kumpens għal danni morali, meta, fid-determinazzjoni tal-entità tad-dannu, użat parametri li fin-natura tagħhom jidhru li huma diffiċilment “kwantifikabbli” jew li jistgħu jintwerew b’evidenza probatorja.
Imbagħad, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi ieħor minħabba motivazzjoni manifestament illoġika, peress li sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-talba għal kumpens għad-danni morali, hija bbażat ruħha fuq ġurisprudenza li tikkonċerna biss id-danni materjali.
F.
Żball ta’ liġi fir-rigward tal-kundizzjoni tar-rabta kawżali
Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet fis-sens li kien hemm nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn il-komunikazzjoni tal-ittra tas-6 ta’ Lulju 1998 lill-awtoritajiet Taljani, li wasslet għall-ittri ta’ rimbors tal-awtoritajiet Taljani lir-rikorrenti, u d-dannu subit minnhom, jiġifieri l-ħlas tal-polizze fideiussorie kkostitwiti bil-għan li jiġi sospiż ir-rimbors immedjat tas-somom ikkontestati.
G.
Ksur tal-prinċipju tas-smigħ ta’ kawża fi żmien raġonevoli: (i) annullament tad-digriet appellat u (ii) invokazzjoni ulterjuri ta’ dan il-ksur għall-finijiet tal-azzjoni ta’ kumpens għad-danni
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju tas-smigħ ta’ kawża fi żmien raġonevoli, irrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/678/KE, tat-3 ta’ Ottubru 2006, dwar it-trattament finanzjarju li għandu jiġi applikat, fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-ispejjeż iffinanzjati mit-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija, f’ċerti każi ta’ irregolarità minn operaturi (ĠU L 278, p. 24)
Full & Egal Universal Law Academy