13.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 37/4
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2009 minn The Wellcome Foundation Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-493/07: The Wellcome Foundation Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-461/09 P)
2010/C 37/06
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: The Wellcome Foundation Ltd (rappreżentant: R. Gilbey, avukat)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tikkonstata li, billi kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 52(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1);
—
tannulla s-sentenza kkontestata li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell sa fejn din irrifjutat li tannulla d-deċiżjonijiet kollha tal-UASI u tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ispejjeż, u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li, fuq il-bażi tal-fatti hekk kif jirriżultaw mir-reġistri tat-trade marks u hekk kif ippreżentati quddiem l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat mingħajr ebda bażi legali li l-pubbliku rilevanti kellu livell għoli ta’ attenzjoni.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tikkunsidra l-provi li hija ppreżentat, minkejja li dawn il-provi kellhom ikunu ammissibbli, peress li dawn kienu biss sempliċi amplifikazzjoni tal-argumenti u tal-provi diġà ppreżentati quddiem l-UASI.
Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tiddeskrivi x-xebh tal-prodotti, il-Qorti tal-Prim’Istanza użat vokabularju vag u mhux koerenti, u b’hekk naqset milli timmotiva b’mod preċiż, eżatt u koerenti s-sentenza kkontestata.
Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-fatti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti applikat kriterji ġuridikament ineżatti, mhux kompluti u difettużi sabiex tikkonkludi li l-Bord tal-Appell kien ġustament ikkunsidra li l-prodotti kellhom livell baxx ta’ xebh.
Ir-rikorrenti ssostni li, fuq il-bażi tal-fatti li kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti kkonkludiet li s-sinjali kellhom livell baxx ta’ xebh peress li m’applikatx il-kriterju xieraq għall-paragun ġenerali tas-sinjali.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq kriterji ġuridikament ineżatti, mhux kompluti u difettużi, peress li tali kriterji ġuridikament ineżatti, mhux kompluti u difettużi ġew applikati sabiex jiġi ddefinit il-pubbliku rilevanti, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh tal-prodotti u sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh tas-sinjali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy