30.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/38
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2009 minn Holland Malt B.V kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba Awla) tad-9 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-369/06 — Holland Malt B.V. vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-464/09 P)
2010/C 24/67
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Holland Malt B.V. (rappreżentanti: O. W. Brouwer, A.C.E. Stoffer, P. Schepens, advocaten)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
—
tannulla l-punti 168 sa 180 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni; u
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-kawża
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa indirizzat kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-369/06, Holland Malt B.V. vs Il-Kummissjoni (is-sentenza), li ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Holland Malt kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat illi s-sussidju mogħti b’kundizzjoni lill-appellanti jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli. L-appellanti ssostni illi l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi u żball proċedurali meta ċaħdet ir-rikors ta’ Holland Malt. F’dan ir-rigward, l-appellanti ressqet l-aggravji segwenti:
A.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fil-punti 169 sa 180 tas-sentenza billi interpretat l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (1) b’mod żbaljat u billi interpretat u applikat il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu b’mod żbaljat. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, din is-sentenza hija vvizzjata minn minn raġunament inkonsistenti u inadegwat; u
B.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball proċedurali fil-punt 168 tas-sentenza billi ma qratx u ma ppreżentatx kif suppost wieħed mill-argumenti ppreżentat mill-appellanti, li affettwa ħazin l-interessi tal-appellanti.
(1) ĠU C 321 E, p. 76
Full & Egal Universal Law Academy