13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhofs (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Diċembru 2009 — Fleischerei nier GmbH & Co. KG vs Finanzamt Detmold
(Kawża C-502/09)
2010/C 63/37
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fleischerei nier GmbH & Co. KG
Konvenut: Finanzamt Detmold
Domandi preliminari
(1)
Il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel”, li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (1), għandu jinftiehem fis-sens li jkopri biss affarijiet tal-ikel “għal take-away”, bħall-ikel li normalment jinbiegħ fi kjosks tal-ikel, jew fis-sens li jkopri wkoll ikel, jew platti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat?
(2)
Jekk il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tad-Direttiva 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, jiġi interpretat fis-sens li jkorpi anki l-ikel u l-platti mħejjija għall-konsum immedjat:
Il-proċess ta’ tħejjija ta’ ikel u platti tal-ikel għandu jiġi kkunsidrat bħala element li għandu n-natura ta’ provvista ta’ servizzi f’kuntest fejn ikollu jiġi deċiż jekk il-provvista ta’ servizz uniku minn impriża li toffri servizzi ta’ catering (li tipprovdi u tittrasporta ikel jew platti tal-ikel lesti għall-konsum u, eventwalment, tqiegħed għad-dispożizzjoni pożati, platti u/jew imwejjed biex wieħed jiekol bil-wiefqa, u anki tiġborhom lura) għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ affarijiet tal-ikel li tista’ tkun suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT (Kategorija 1 tal-Anness H tad-direttiva msemmija) jew jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi li mhijiex intitolata li tkun suġġetta għal rata mnaqqsa (Artikolu 6(1) tad-direttiva msemmija)?
(3)
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda:
Huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li, fil-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ servizz uniku minn impriża li toffri servizzi ta’ catering bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi sui generis, isir riferiment biss għan-numru tal-elementi li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ servizzi (tnejn jew iktar) fil-konfront ta’ dawk li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ oġġetti jew, irrispettivament min-numru tagħhom, għandha tingħata iktar importanza lill-elementi li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ servizzi u, jekk dan ikun il-każ, skont liema kriterji?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23
Full & Egal Universal Law Academy