13.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 37/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (ir-Renju Unit) fl-4 ta’ Diċembru 2009 — Lucy Stewart vs Secretary of State for Work and Pensions
(Kawża C-503/09)
2010/C 37/28
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Lucy Stewart
Konvenut: Secretary of State for Work and Pensions
Domandi preliminari
(1)
Benefiċċju bil-karatteristiċi ta’ benefiċċju tal-invalidità mogħti fiż-żgħożija għal żmien qasir huwa benefiċċju tal-mard jew benefiċċju tal-invalidità għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71 (1)?
(2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li tali benefiċċju għandu jitqies bħala benefiċċju tal-mard:
(a)
Persuna, bħal omm ir-rikorrenti, li waqfet definittivament milli twettaq kwalunkwe attività bħala impjegata jew għal rasha peress li rtirat, hija “persuna impjegata” għall-finijiet tal-Artikolu 19 minħabba li qabel kienet twettaq attività bħala impjegata jew għal rasha, jew ir-regoli applikabbli huma dawk stabbiliti fl-Artikoli 27 sa 34 (pensjonanti)?
(b)
Persuna, bħal missier ir-rikorrenti, li mill-2001 qatt ma wettaq attività bħala impjegat jew għal rasu, huwa, madankollu, “persuna impjegata” għall-finijiet tal-Artikolu 19 minħabba li qabel kien iwettaq attività bħala impjegat jew għal rasu?
(c)
Rikorrent għandu jitqies bħala “pensjonant” għall-finijiet tal-Artikolu 28 minħabba l-għoti ta’ benefiċċju miksub skont l-Artikolu 95b tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja l-fatt li: (i) ir-rikorrent inkwistjoni qatt ma kien persuna impjegata skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71; (ii) ir-rikorrent ma jkunx laħaq l-età ta’ rtirar stabbilita mill-Istat; u (iii) ir-rikorrent jaqa’ biss taħt l-applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71 bħala membru tal-familja?
(d)
Jekk pensjonant jaqa’ taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, membru tal-familja ta’ dak il-pensjonant, li jkun dejjem għix ma’ u fl-istess Stat bħall-pensjonant, jista’, skont l-Artikolu 28(1), flimkien mal-Artikolu 29, jitlob li jingħata benefiċċju tal-mard fi flus kontanti mill-istituzzjoni kompetenti stabbilita mill-Artikolu 28(2), fejn tali benefiċċju (jekk dovut) ikun pagabbli lill-membru tal-familja (u mhux pagabbli lill-pensjonant)?
(e)
Jekk applikabbli (minħabba r-risposta għad-domandi (a) sa (d)), l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ sigurtà soċjali nazzjonali li tillimita l-kisba inizjali ta’ dritt għal benefiċċju tal-mard għal dawk li jkunu ikkompletew perijodu meħtieġ ta’ preżenza passata fl-Istat Membru kompetenti fi żmien preċedenti definit hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u/jew 28 tar-Regolament Nru 1408/71?
(3)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li tali benefiċċju għandu jitqies bħala benefiċċju tal-invalidità, il-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 li jirreferi għal benefiċċji “miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar” ifisser li l-Istati Membri jibqa’ jkollhom id-dritt, taħt ir-Regolament Nru 1408/71 li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kisba inizjali ta’ tali benefiċċji tal-invalidità li huma bbażati fuq ir-residenza fl-Istat Membru jew fuq prova tal-preżenza passata matul perijodi meħtieġa fl-Istat Membru, b’mod li rikorrent ma jistax l-ewwel isostni li għandu dritt għal tali benefiċċju minn Stat Membru ieħor?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).
Full & Egal Universal Law Academy