27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/18
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2009 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-183/07, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-504/09 P)
2010/C 51/29
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Kružíková, E. White u K. Herrmann, aġenti)
Appellati: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, Ir-Repubblika tal-Polonja, Ir-Repubblika tal-Ungerija, Ir-Repubblika tal-Litwanja u Ir-Repubblika Slovakka
Talbiet tal-appellanti
—
tħassar fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-183/07;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tibbaża t-talbiet tagħha fuq erba’ aggravji. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx il-limiti tal-istħarriġ tagħha u wettqet żbalji proċedurali, u dan affettwa b’mod negattiv l-interessi tal-Kummissjoni, fit-tieni lok, kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), fit-tielet lok, interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, u, fir-raba’ lok, wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkunsidrat li l-Artikoli 1(1), 2(1) u 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jiġu separati mid-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha u għalhekk iddikjarat id-deċiżjoni nulla fl-intier tagħha.
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ikkunsidrat bħala ammissibbli motiv li r-rikorrenti fl-ewwel istanza qajmet għall-ewwel darba fir-replika tagħha u li kien jipprovdi li kienet aġixxiet ultra vires. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ddeċidiet għal-liema dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kien qiegħed jirreferi t-tieni motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, qabżet hija wkoll il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat fid-dritt il-portata tal-poteri tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll il-mod kif ġew eżerċitati. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.
Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex il-poter sabiex, fil-kuntest tal-eżami tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Allokazzjonijiet II innotifikati lilha (iktar ’il quddiem il-“PNA II”), tapplika abbażi tal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87 data dwar is-CO2 mill-istess sors (il-Community Independent Transaction Log) fir-rigward tal-Istati Membri kollha għall-istess perijodu (2005) u sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq previżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-prodott gross nazzjonali bejn l-2005 u l-2010 ippubblikati għall-Istati Membri kollha f’dan l-istess perijodu.
Fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għan u l-iskop tiegħu, meta ċaħħdet lill-Kummissjoni mid-dritt li, fl-evalwazzjoni ta’ PNA II, ma tieħux inkunsiderazzjoni d-data użata għal kull Stat Membru u li tistabbilixxi, fid-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-PNA II adottata skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, limitu massimu għat-total ta’ kwoti li l-Istat Membru jista’ jalloka.
L-iskop tal-kontroll preliminari tan-NAP II taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 huwa li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi inkoraġġit tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv fir-rigward tal-ispejjeż u b’mod li huwa ekonomikament effettiv, filwaqt li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema Komunitarja dwar kummerċ fi drittijiet ta’ emissjoni. Peress li l-poter li tiġi adottata deċiżjoni li tirrifjuta PNA II huwa limitat fiż-żmien, meta jiġi interpretat il-mod kif il-Kummissjoni teżerċita l-kompetenzi ta’ kontroll tagħha taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-proċess globali ta’ kontroll, jiġifieri li jiġi żgurat li dawk il-PNA II biss li jkunu konformi mal-kriterji tal-Anness III, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-punti 1 sa 3, jiġu ddikjarati li huma definittivi u li jistgħu jservu ta’ bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar it-total ta’ kwoti li jistgħu jallokaw.
Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut ġenerali tal-motivazzjoni mogħtija fil-ħames premessa tad-deċiżjoni kkontestata meta ddikjarat li l-Kummissjoni kien imissha spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn id-data użata fil-PNA II tar-Repubblika tal-Polonja kienet “inqas affidabbli”, u, fi kwalunkwe każ, attribwiet portata wiesgħa wisq lill-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.
Fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit dwar is-separazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata meta ddikjarat li l-punti 2 sa 5 tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni, li jikkonċernaw l-inkompatibbiltà tal-PNA II ma’ kriterji tal-Anness III tad-Direttiva li huma differenti minn dawk li jikkonċernaw il-punti 1, ma jistgħux jiġu separati minn dawn il-punti tal-aħħar. L-evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza waslet sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi ddikjarata nulla fl-intier tagħha.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 631
Full & Egal Universal Law Academy