30.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/45
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-508/09)
2010/C 24/78
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Zadra u D. Recchia, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li, wara l-adozzjoni u l-applikazzjoni, mir-Reġjun ta’ Sardegna, ta’ leġiżlazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ derogi għas-sistema ta’ protezzjoni tal-għasafar selvaġġi li ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE (1), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni adottata mir-Reġjun ta’ Sardegna ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE.
Il-Liġi Reġjunali Nru 2, tat-13 ta’ Frar 2004, dwar il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa permezz ta’ deroga, u d-Digrieti 2/V tal-2004 u 8/IV tal-2006 adottati abbażi ta’ din il-liġi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva inkwantu
—
l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku hija ċerti drabi mitluba u, meta tkun negattiva, mhijiex rispettata, u ċerti drabi lanqas biss ma tintalab;
—
m’hemmx motivazzjoni suffiċjenti (f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-mezz tal-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa permezz ta’ deroga, l-alternattivi eżaminati, ir-riżultati realment mistennija);
—
m’hemmx sistema ta’ kontroll adegwata li tippermetti li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet imposti fuq id-deroga huma rrispettati u li tittieħed azzjoni fi żmien tajjeb;
—
il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, mhumiex meħtieġa mill-Liġi u, konsegwentement, ma jissemmewx fil-miżuri derogatorji.
Il-Liġi Regjonali Nru 2 tat-13 ta’ Frar 2004, ġiet emendata bil-Liġi Reġjonali Nru 4, tal-11 ta’ Mejju 2006. Minkejja dawn l-emendi, il-Liġi Reġjunali Nru 2, tat-13 ta’ Frar 2004, kif ukoll id-Digriet Nru 2225/DecA/3, tat-30 ta’ Jannar 2009, adottat abbażi ta’ din il-liġi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva inkwantu
—
il-fatt li ġiet introdotta l-konsultazzjoni ta’ korp xjentifiku ma jostakolax l-adozzjoni ta’ atti derogatorji li għandhom xi lakuna fir-rigward tal-motivazzjoni u tal-ġustifikazzjoni, kif ukoll l-adozzjoni ta’ atti derogatorji anki mingħajr l-opinjoni tal-korp xjentifiku;
—
Il-Liġi Reġjonali 2/2004, kif emendata, tibqa ma tipprovdix li kull miżura derogatorja għanda tirreferi għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 79/409 (fil-fatt, id-Digriet 2225 ukoll għandu xi lakuni f’dan ir-rigward).
(1) Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy