22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Diċembru 2009 — eDate Advertising GmbH vs X
(Kawża C-509/09)
2010/C 134/23
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: eDate Advertising GmbH
Konvenuta: X
Domandi preliminari
(1)
Il-frażi “il-post fejn l-effett tal-ħsara […] jista’ jitwettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”) għandha, fil-każ (eventwali) ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità minn kontenut f’sit Internet, tiġi interpretata fis-sens
li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka mandat ta’ inibizzjoni kontra l-operatur tas-sit Internet quddiem il-qrati tal-Istati Membri li fihom jista’ jiġi kkonsultat is-sit Internet, indipendentement mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur,
jew
il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih l-operatur ta’ sit Internet ma huwiex stabbilit teħtieġ rabta partikolari (rabta mal-Istat inkwistjoni) bejn il-kontenut ikkontestat jew is-sit Internet u l-qorti domestika, li tmur lilhinn mill-possibbiltà teknika ta’ konsultazzjoni?
(2)
Jekk tali rabta hija meħtieġa:
Liema huma l-kriterji li jiddeterminaw tali rabta?
Huwa rilevanti li, skont l-intenzjoni tal-operatur, is-sit Internet ikkontestat ikun indirizzat speċifikament (ukoll) għall-utenti tal-Internet tal-Istat domestiku jew huwa biżżejjed li l-informazzjoni li tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit Internet tkun oġġettivament marbuta mal-Istat domestiku fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-kontenut tas-sit Internet ikkontestat, kunflitt tal-interessi diverġenti — l-interess tal-applikant fl-osservanza tad-drittijiet tal-personalità tiegħu u l-interess tal-operatur fit-tfassil tas-sit Internet tiegħu u fl-għoti ta’ informazzjoni — seta’ effettivament twettaq jew jista’ jitwettaq fl-Istat domestiku?
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta partikolari, in-numru ta’ konsultazzjonijiet tas-sit Internet ikkontestat li jsiru mill-Istat domestiku huwa ta’ natura deċiżiva?
(3)
Jekk ebda rabta partikolari ma hija neċessarja għall-ammissjoni ta’ ġurisdizzjoni jew jekk huwa biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita tali rabta, li l-informazzjoni kkontestata hija oġġettivament marbuta mal-Istat domestiku fis-sens li seta’ twettaq jew jista’ jitwettaq kunflitt ta’ interessi diverġenti fl-Istat domestiku, skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, minħabba b’mod partikolari l-kontenut tas-sit Internet ikkontestat, u li l-eżistenza ta’ rabta partikolari ma timplikax il-konstatazzjoni ta’ numru minimu ta’ konsultazzjonijiet tas-sit Internet ikkontestat mill-Istat domestiku:
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (2) għandu jiġi interpretat fis-sens
li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw in-natura ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fis-sens li fid-dritt ċivili jeħtieġu wkoll l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt applikabbli fil-pajjiż tal-oriġini, bl-esklużjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi,
jew
dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu korrettiv fuq livell sostantiv li permezz tiegħu r-riżultat dwar il-mertu tal-liġi ddikjarata applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi jinbidel u jiġi aġġustat skont ir-rekwiżiti tal-pajjiż tal-oriġini?
Fil-każ li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jkun ta’ natura ta’ regola ta’ kunflitt ta’ liġi:
Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq sempliċement jeħtieġu l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt materjali fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini jew ukoll l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi applikabbli f’tali pajjiż, bil-konsegwenza li referenza fid-dritt tal-pajjiż tal-oriġini għad-dritt tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tibqa’ possibbli?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399
Full & Egal Universal Law Academy