13.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 37/27
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2009 minn Arkema France SA mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fit-30 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-168/05, Arkema vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-520/09 P)
2010/C 37/34
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Arkema France SA (rappreżentant: M. Debroux, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Settembru 2009, fil-Kawża T-168/05,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għal prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja tagħha. F’dan ir-rigward hija tirrileva kontradizzjoni fit-termini stess tas-sentenza appellata, inkwantu f’din is-sentenza l-Qorti tal-Prim’Istanza tirreleva li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha hija preżunzjoni konfutabbli li tista’ tiġi ribattuta jekk il-kumpannija parent u/jew is-sussidjarja tipprovdi provi li juru l-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarja, filwaqt li fl-istess ħin tafferma li l-funzjoni stess ta’ kumpannija parent hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tas-sussidjarji tagħha fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji, b’mod partikolari, permezz ta’ kontroll tal-baġit. Minn dan jirriżulta, de iure, preżunzjoni inkonfutabbli ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha u, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa impossibbli għal sussidjarja li tipprovdi prova tal-aġir awtonomu tagħha fis-suq.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Arkema tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta min-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja, peress li minħabba din il-preżunzjoni, il-parteċipanti ta’ akkordju huma ttrattati b’mod differenti skont jekk jagħmlux parti minn grupp ta’ kumpanniji jew le.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali u d-dritt għal smigħ xieraq inkwantu, b’risposta għall-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jirriżulta minn nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss l-argumenti ta’ Elf Aquitaine, kumpannija parent ta’ Arkema, u mhux dawk li din tal-aħħar kienet invokat hija stess. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex l-obbligu li tati dettalju eżawrjenti ta’ kull raġunament magħmul mill-partijiet fil-kawża, madankollu jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha, għall-anqas tippermetti lill-appellanti li tkun taf, bi preċiżjoni, ir-raġunament adottat fil-konfront tagħha mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
Permezz tar-raba’ u l-aħħar aggravju tagħha, Arkema tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu d-dħul mill-bejgħ tagħha ġie meqjus darbtejn mill-Kummissjoni meta ddeterminat il-bażi tal-multa, u l-iżball li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet meta sostniet li l-Kummissjoni ma kellhiex għażla oħra ladarba ma xtaqitx titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida. Permezz ta’ dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt tat effett vinkolanti assolut lil-linji gwida tal-Kummissjoni, li fil-fatt m’għandhomx. Skont l-appellanti, tali linji gwida huma iktar simili għal regoli ta’ kondotta li jindikaw il-prattika li għandha tiġi segwita milli dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija obbligata li tosserva f’kull ċirkustanza.
Full & Egal Universal Law Academy