27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/22
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009 minn Vladimir Ivanov mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) mogħti fit-30 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-166/08, Ivanov vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-532/09 P)
2010/C 51/36
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Vladimir Ivanov (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ammissibbli;
—
tiddikjara l-appell bħala fondat;
—
tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2009;
—
taqta’ u tiddeċiedi skont ir-rikors promotur;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu.
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li huwa magħmul minn żewġ partijiet, huwa jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tapplika r-riżerva ta’ abbuż tal-proċedura sabiex timmotiva l-inammissibbiltà tar-rikors tiegħu għal responsabbiltà mhux kuntrattwali peress li l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna ta’ din ir-riżerva jikkonċerna biss il-każijiet eċċezzjonali fejn ir-rikors għad-danni huwa intiż għall-ksib tal-ħlas ta’ somma identika għal dik li r-rikorrent kien jikseb f’każ li kien jirnexxi r-rikors għal annullament. Issa, f’dan il-każ, ir-rikors għad-danni ppreżentat mill-appellant huwa totalment awtonomu, peress li dan tal-aħħar jixtieq jara li tiġi applikata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni għall-aġir adottat fil-konfronti tiegħu, u mhux li jikseb sitwazzjoni finanzjarja identika għal dik li kien jikseb fil-każ tal-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
F’dan il-kuntest, l-appellant iqis ukoll li r-riżerva ta’ abbuż tal-proċedura ma setgħetx titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li l-oneru tal-prova ta’ dan l-abbuż jaqa’ fuq l-appellata.
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi billi ħtieġet il-konstatazzjoni ta’ aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni bħala kundizzjoni preliminari sabiex tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, meta l-illegalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji m’għadhiex taqa’ taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tapplika r-responsabbiltà tal-imsemmija istituzzjonijiet.
Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant iqis li billi ddeċieda li rikors għal annullament kien iktar xieraq minn rikors għad-danni, id-digriet ikkontestat ippreġudika d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, hekk kif inhu rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy