27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/23
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-533/09)
2010/C 51/37
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u P. Guerra e Andrade, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li billi eżiġiet in-nazzjonalità Portugiża għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, skont id-deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1991, li jadotta l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika dwar l-Artikolu 15 tal-Kostituzzjoni, ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE peress li ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 51 TFUE.
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-Portugall, l-interessi segwiti min-nutar mhumiex interessi tal-Istat, in-nutar ma jipparteċipax direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u ma jagħmilx parti mill-Amministrazzjoni Pubblika. L-eċċezzjoni tal-Artikolu 51 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax fil-konfront tal-professjoni ta’ nutar fil-Portugall. L-opinjoni konsultattiva tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika adottata fit-12 ta’ Diċembru 1991 ma tgħidx li l-professjoni ta’ nutar taqa’ taħt l-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni. Il-funzjonijiet ta’ nutar, fil-Portugall, huma ta’ natura esklużivament teknika. Dawn huma bbażati fuq il-kompetenza professjonali u mhux fuq il-fiduċja politika.
Full & Egal Universal Law Academy