13.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 37/30
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-534/09)
2010/C 37/37
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u A. Alcover San Pedro)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti josservaw, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 6 u 8, jew, kif xieraq, permezz ta’ eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, fejn meħtieġ, l-aġġornament tagħhom, li l-installazzjonijiet eżistenti joperaw skont il-ħtiġiet previsti fl-Artikoli 3, 7, 9, 10 u 13, fl-Artikolu 14(a) u (b) u fl-Artikolu 15(2) mhux iktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2007, bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji speċjali oħra, ir-Repubblika Ellenika kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2008/1/KE tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (iktar ’il quddiem id-“Direttiva IPPC”)
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Mill-qari flimkien tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva IPPC jirriżulta li, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti josservaw, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 6 u 8, jew, kif xieraq, permezz ta’ eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, fejn meħtieġ, l-aġġornament tagħhom, li l-installazzjonijiet eżistenti joperaw skont il-ħtiġiet previsti mid-Direttiva, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2007.
Skont ir-risposta tal-awtoritajiet Elleniċi għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, madwar 47 % tal-installazzjonijiet eżistenti li qed joperaw fil-Greċja (148 fuq 317) m’għandhomx awtorizzazzjoni IPPC. Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika tammetti li kompliet tawtoriżża l-użu ta’ numru kbir ta’ installazzjonijiet IPPC mingħajr ma ħarġet l-awtorizzazzjonijiet adattati.
Għandu jiġi enfassizzat li r-Repubblika Ellenika ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni addizzjonali fir-rigward taż-żieda tal-installazzjonijiet inkwistjoni u l-ebda żvilupp sussegwenti ma ġie nnotifikat wara d-data li fiha ntbagħtet ir-risposta ċċitata iktar ’il fuq għall-opinjoni motivata.
Full & Egal Universal Law Academy