13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/31
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-542/09)
2010/C 63/50
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Rozet u M. Van Beek, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet
—
tiddikjara li, billi jeżiġi, fil-WSF (1), li l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familji tagħhom dipendenti fuqhom jissodisfaw rekwiżit ta’ residenza, jiġifieri l-imsemmija “regola tat-3 snin minn 6”, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finanzjament tal-istudji f’pajjiż barrani, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 (2).
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fid-dawl tal-fatt li, sal-llum, il-Pajjiżi l-Baxxi għadhom ma adottawx il-miżuri kollha neċessarji sabiex ineħħi r-rekwiżit ta’ residenza, l-imsemmija “regola tat-3 snin minn 6”, li l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familji tagħhom dipendenti fuqhom għandhom jissodisfaw sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament tal-istudji f’pajjiż barrani, prevista fil-WSF, il-Kummissjoni tqis li l-Pajjiżi l-Baxxi naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 45 TFUE u taħt ir-Regolament Nru 1612/68.
(1) Wet Studiefinanciering 2000 [Liġi dwar il-finanzjament tal-Istudji 2000]
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 01, p. 15)
Full & Egal Universal Law Academy