27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/25
Appell ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit-22 ta’ Diċembru 2009 mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża T-21/06, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-544/09 P)
2010/C 51/41
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma, J. Möller u B. Klein, aġenti)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob
—
li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Ottubru 2009, fil-Kawża T-21/06, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni;
—
li tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005)3903, tad-9 ta’ Novembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) fir-reġjun ta’ Berlin-Brandenburg, u
—
li l-appellata tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, li permezz tagħha ġie miċħud bħala infondat ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Novembru 2005, dwar il-proċedura tal-Għajnuna mill-Istat C25/2004 rigward l-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) fir-reġjun ta’ Berlin-Brandenburg. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet qieset li l-miżura ta’ għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 107(3)(ċ) TFUE).
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka ħames aggravji b’kollox li permezz tagħhom hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrikonoxxi abbuż ta’ setgħa attribwibbli lill-Kummissjoni, u li għaldaqstant hija żbaljat meta ċaħdet ir-rikors.
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ċaħdet l-effett ta’ inċentiv tal-miżura, sa fejn hija ħadet biss inkunsiderazzjoni l-perijodu limitat ħafna li jikkorrispondi għall-bidla mix-xandir analogu terrestri għad-DVB-T, minflok ma eżaminat l-ispejjeż tal-miżura kkunsidrata globalment għax-xandara vvantaġġjati. B’mod globali, din il-miżura tinkludi, b’mod parallel għall-bidla għad-DVB-T, l-obbligu li tinżamm l-offerta ta’ programmi fuq id-DVB-T matul perijodu ta’ ħames snin. Għaldaqstant, l-ispejjeż li dan il-perijodu ta’ xandir obbligatorju jimplika għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.
It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod żbaljat, estendiet il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, sa fejn hija aċċettat li l-Kummissjoni tiċħad in-natura xierqa tal-miżura ta’ għajnuna għas-sempliċi raġuni li ġie allegat li miżuri leġiżlattivi alternattivi setgħu, huma wkoll, jilħqu l-għan segwit. It-tqabbil ma’ miżuri alternattivi ma huwiex parti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE rigward l-kontroll tal-għajnuna, mill-proċedura ta’ eżami li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tagħmel. F’dan il-kuntest, il-Gvern Federali jallega wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza qiegħdet fuq l-Istat Membru l-oneru tal-prova li l-miżuri alternattivi ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma kellhom, prima facie, l-ebda effett. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, kontra l-prinċipji tal-oneru tal-prova u l-għan tal-kontroll tal-għajnuna.
It-tielet nett, fl-analiżi tagħha taħt l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod żbaljat ir-rilevanza tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, li, inkwantu parti integrali tad-dritt primarju, jorbtu l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni. Jekk sempliċi riferiment għal eventwali miżuri leġiżlattivi alternattivi kien biżżejjed sabiex tiġi miċħuda awtorizzazzjoni ta’ għajnuna, dan ikun ifisser li jiġi injorat il-fatt li miżuri leġiżlattivi jippreġudikaw id-dritt fundamentali tal-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika mill-impriżi. Dan l-aspett għandu mill-inqas jiġi eżaminat, u dan ma seħħx f’dan il-każ.
Ir-raba’ nett, billi rreferiet għal miżuri leġiżlattivi alternattivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ suq intern u ta’ tfixkil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ imsemmija fl-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, għaliex ma rrikonoxxietx li miżuri leġiżlattivi setgħu wkoll ifixklu l-kompetizzjoni. Il-konklużjoni ġenerali li kull miżura leġiżlattiva tippreġudika dawn l-interessi legali inqas minn għajnuna, ġejja minn kriterji li l-portata tagħhom tnaqqset b’mod mhux awtorizzat.
Il-ħames nett, il-Ġermanja tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika żviluppat mill-Kummissjojni mingħajr ma rrikonoxxiet f’din l-okkażjoni li, b’dan il-mod, l-għan segwit mill-awtoritajiet Ġermaniżi b’din il-miżura kien miċħud fuq il-mertu. Il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jikkostitwixxi kriterju xieraq għall-finijiet tal-eżami ta’ kompatibbiltà biss jekk l-għan tas-sussidju jkun jikkonsisti bħala tali fil-bidla għal xandir diġitali. Fil-każ tas-sussidju marbut mal-bidla għad-DVB-T fir-reġjun ta’ Berlin-Brandenburg, madankollu, għal diversi raġunijiet, kellu jiġi vvantaġġjat dan il-mod ta’ xandir, filwaqt li l-mezzi ta’ xandir bil-kejbil u bis-satellita ma kienu jeħtieġu l-ebda sussidju. Fl-istabbiliment tal-għan leġittimu tal-miżura ta’ għajnuna, l-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy