13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/31
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
(Kawża C-545/09)
2010/C 63/51
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, B. Eggers, aġenti)
Konvenuta: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara li l-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-istatut tal-iskejjel Ewropej (1) għandu jiġi interpretat u applikat b’tali mod li jiżgura li l-għalliema ssekondati minn Stat Membru jkollhom aċċess għall-istess progressjoni fl-istatus u fil-paga matul l-issekondar tagħhom, bħal dawk li jgawdu l-għalliema impjegati f’dak l-Istat Membru, u li l-esklużjoni ta’ ċerti għalliema ssekondati mir-Renju Unit mill-aċċess għal skali ta’ paga mtejba (magħrufa wkoll bħala “threshold pay”, “excellent teacher system”, “advanced skills teachers”) u minn pagamenti oħra (bħal “teaching and learning responsibility payments”) matul l-issekondar tagħhom, kif ukoll mill-progressjoni fuq skali ta’ paga kurrenti disponibbli għall-għalliema impjegati fi skejjel miżmuma minn fondi pubbliċi fl-Ingilterra u Wales, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni;
—
tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Din hija talba taħt l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-istatut tal-iskejjel Ewropej (“il-Konvenzjoni”) għal deċiżjoni rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni.
Skont il-Konvenzjoni, l-għalliema fl-iskejjel Ewropej huma ssekondati mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. L-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni jipprovdi li għalliema ssekondati “jżommu d-drittijiet ta’ promozzjoni u rtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom”. Minkejja dan, il-pagi tal-għalliema ssekondati mir-Renju Unit jiġu “ffriżati” matul il-perijodu tal-issekondar. Għalhekk, għalliema ssekondati mal-iskejjel Ewropej huma mċaħħda mill-aċċess għal skali ta’ paga mtejba (magħrufa wkoll bħala “threshold pay”, “excellent teacher system”, “advanced skills teachers”) u minn pagamenti oħra (bħal “teaching and learning responsibility payments”) kif ukoll mill-progressjoni fuq skali ta’ paga kurrenti disponibbli għall-għalliema impjegati fi skejjel miżmuma minn fondi pubbliċi fl-Ingilterra u Wales.
Din il-politika tmur kontra l-ittra u l-għan tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni. Hija tnaqqas id-drittijiet għall-pensjoni tal-għalliema kkonċernati u l-prospettivi tal-karriera tagħhom meta jirritornaw fir-Renju Unit. Barra minn hekk, dan jaffettwa ħażin l-baġit tal-Unjoni li jagħmel tajjeb għad-differenza bejn paga nazzjonali iktar baxxa u ż-żieda mill-Komunità għal għalliema ssekondati.
L-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni u konsegwentement, l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni, għandhom għalhekk ikunu interpretati u applikati b’tali mod li jiggarantixxu lill-għalliema ssekondati aċċess komplet għal skali ta’ paga mtejba, progressjoni fuq skali ta’ paga kurrenti u konċessjonijiet oħra.
(1) ĠU L 212, 17.08.1994, p. 3
Full & Egal Universal Law Academy