27.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/10
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2009 minn Bank Melli Iran mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fl-14 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża T-390/08, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill
(Kawża C-548/09 P)
2010/C 80/17
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Bank Melli Iran (rappreżentant: L. Defalque, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, Ir-Repubblika Franċiża, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza mogħtija fl-14 ta’ Ottubru 2009 mit-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-390/08, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, u nnotifikata lill-appellant fil-15 ta’ Ottubru 2009;
—
tilqa’ t-talbiet tal-appellant li huwa ressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq tliet aggravji b’mod prinċipali u tliet aggravji oħra b’mod sussidjarju.
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, huwa jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx bħala forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament tal-att, l-obbligu ta’ notifika individwali li jinsab fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 (1). Fil-fatt, il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi lill-fergħa f’Pariġi tal-appellant mill-Commission bancaire française, u mhux mill-Kunsill, ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ notifika previsti mir-Regolament u tikkostitwixxi ksur ta’ regola Komunitarja ta’ ordni pubbliku.
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażijiet legali tar-Regolament Nru 423/2007. Meta aċċettat li dan ir-regolament, kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, kienu adottati abbażi ta’ maġġoranza kkwalifikata fuq il-bażi biss tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-forom proċedurali sostanzjali tat-Trattat. Peress li dan ir-regolament u din id-deċiżjoni jikkonċernaw effettivament entitatjiet li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, dawn l-atti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 310 KE u kellhom jiġu bbażati wkoll fuq l-Artikolu 308 KE, li jeżiġi vot unanimu.
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, Bank Melli Iran isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ drittijiet tad-difiża u fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn ikkunsidrat li kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha mingħajr ma kienet irċeviet, la qabel u lanqas wara l-preżentata tar-rikors, ebda prova insostenn tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħand il-Kunsill.
Sussidjarjament, l-appellant, fl-ewwel lok, jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti sa fejn ikkunsidrat li l-Kunsill għandu, taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, setgħa diskrezzjonali awtonoma filwaqt li dan għandu kompetenza limitata mill-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ evalwazzjoni ta’ liġi fir-rigward tad-dritt għal proprjetà tiegħu, u dan sa fejn iddeċidiet li l-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, tiġġustifika restrizzjoni għad-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għal proprjetà u d-dritt għall-eżerċizju ta’ attività ekonomika.
Fl-aħħar lok, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta inkludietu fil-lista ta’ entitajiet li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati sa fejn l-appellant ma pprovdiex appoġġ għall-programm nukleari tal-Iran u mhuwiex assoċjat ma’ entitajiet li jagħtu tali appoġġ.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969)
Full & Egal Universal Law Academy