27.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/11
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
(Kawża C-549/09)
2010/C 80/18
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti E. Gippini Fournier u K. Walkerová, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li billi ma eżegwietx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Lulju 2004, dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mogħtija minn Franza favur is-sajd u l-akwakultura (1), li tordnala tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni permezz tal-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjoni, u peress li ma nnotifikatx lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tikkonforma ruħha magħha, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni;
—
tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-konvenuta talli għadha ma addottatx il-miżuri neċessarji, sabiex tirkupra “minnufih” mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni jew, fi kwalunkwe każ, talli naqset milli tikkomunikahom lill-Kummissjoni.
Fil-fatt, Franza kellha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni, dwar il-miżuri meħuda sabiex tikkonforma ruħha magħha. Issa, iktar minn ħames snin għaddew minn notifika tal-imsemmija deċiżjoni lill-awtoritajiet Franċiżi, mingħajr ma ġie affetwat l-ebda rimborż tal-għajnuna mogħtija.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-uniku motiv li Stat Membru jista’ jinvoka kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ippreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa dak ibbażat fuq l-impossibilità assoluta ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi qatt ma invokaw diffikultajiet eċċezzjonali u imprevedibbli, li jrendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni impossibbli. Huma indikaw biss li kien beħsiebhom jadottaw il-miżuri ta’ rkupru rilevanti flimkien ma’ fajl ieħor dwar l-irkupru ta’ għajnuna oħra inkompatibbli.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/239/KE, tal-14 ta’ Lulju 2004, dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mogħtija minn Franza favur is-sajd u l-akwakultura (ĠU 2005, L 74, p. 49).
Full & Egal Universal Law Academy