13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/32
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija
(Kawża C-551/09)
2010/C 63/52
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Gross u M. Adam, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 288 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 56/2007 (ex NN 77/06), mogħtija mill-Awstrija fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (2008/719/KE) billi ma adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna;
—
tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 288 TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 56/2007 (ex NN 77/06) mogħtija mill-Awstrija fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (2008/719/KE) billi ma nnotifikatx fil-ħin lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont il-Kummissjoni, it-terminu stabbilit għar-Repubblika tal-Awstrija fid-deċiżjoni tagħha, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 56/2007 (ex NN 77/06) mogħtija mill-Awstrija fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (2008/719/KE), għan-notifika tal-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, skada.
Ftehim li ġie konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija wara li skada t-terminu msemmi hawn fuq, rigward l-ammont tas-somma li għandu jiġi rkuprat, ġie rrevokat mir-Repubblika tal-Awstrija minħabba li l-kumpannija milquta mit-talba għal rimbors kienet qed tipprevedi li tikkanċella l-akkwist tal-Bank Burgenland fil-każ ta’ obbligu ta’ ħlas. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, dan il-kanċellament kien iwassal għal konsegwenzi serji għall-ekonomija tal-Land ta’ Burgenland. Skont il-Kummissjoni, dan il-fatt ma jiġġustifikax, madankollu, ir-rinunzja tat-talba għal irkupru.
Ir-rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq lanqas ma jaffettwa l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy