27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/26
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2009 minn BCS SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fit-28 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża T-173/08: BCS SpA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI)
(Kawża C-553/09)
2010/C 51/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: BCS SpA (rappreżentanti: M. Franzosi, V. Jandoli, F. Santonocito, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Deere & Company
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja togħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
tiddikjara l-invalidità tat-trade mark Komunitarja ‘289;
—
tordna lill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tissottometti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bis-segwenti żbalji ta’ liġi:
I.
il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin l-Artikolu 7(1)(b) u 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1), billi ddikjarat li l-kisba ta’ karattru distintiv f’sinjal ma jiddependix fuq l-użu esklużiv passat u preżent (barra minn hekk, tali użu ma ġiex ipprovat; pjuttost, fl-istess deċiżjoni, jingħad li huwa miċħud f’xi pajjiżi);
II.
il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-kriterji msemmija fil-ġurisprudenza Komunitarja għall-aċċertament tal-kisba tal-karattru distintiv, bi ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.
Taħt l-inċiż I., in-nuqqas ta’ użu esklużiv f’partijiet oħra tal-Komunità jiġi pprovat permezz tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn terzi fid-Danimarka u fl-Irlanda. Tabilħaqq in-nuqqas ta’ assoċjazzjoni univokali bejn it-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar u Deere hija inkompatibbli mar-rikonoxximent tal-karattru distintiv miksub mis-sinjal f’dawn il-pajjiżi.
Taħt l-inċiż II., BCS tikkontesta l-kriterji legali applikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’relazzjoni mal-evidenza anċillari, għaliex jikkontrastaw mal-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, it-tul ta’ żmien tal-użu tat-trade mark Deere, l-ishma tas-swieq u l-volum tal-bejgħ ma jistgħux jitqiesu bħala elementi suffiċjenti — meta meħuda individwalment — biex jipprovaw it-tifsira anċillari miksuba. U b’mod partikolari ma jistgħux jikkompensaw għal nuqqas ta’ opinjoni pubblika (jew riżultat kontradittorju minn dikjarazzjonijiet ta’ terzi), inkwantu dawn huma paramentri evidenzjali ta’ natura differenti.
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta ma kkunsidratx il-prova diretta tan-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark Komunitarja ‘289 fl-Irlanda u fid-Danimarka.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy