Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2010 – Ricci u Pisaneschi vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)
(Kawżi magħquda C‑286/09 u C‑287/09)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Uffiċjali – Pensjoni ta’ rtirar – Kumulu ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni – Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività fi ħdan il-Komunitajiet Ewropej – Artikolu 10 KE”
Stati Membri - Obbligi - Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea - Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività fis-servizz ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Unjoni għall-għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar kmieni jew normali taħt is-sistema nazzjonali - Inammissibbiltà (Artikolu 10 KE; Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2)) (ara l-punti 32-34 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Corte d’appello di Roma - Interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità - Interpretazzjoni tal-Artikoli 17, 39 u 42 KE - Benefiċċju tax-xjuħija - Aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni - Nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ assigurazzjoni taħt is-sistema komuni ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-Komunitajiet Ewropej.
Dispożittiv
L-Artikolu 10 KE, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jiġu kkunsidrati s-snin tax-xogħol li ċittadin tal-Unjoni jkun wettaq ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, bħall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jew ma’ organu tal-Unjoni, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, sabiex jingħata lok għal dritt għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema nazzjonali, kemm jekk il-persuna kkonċernata tirtira kmieni jew jekk tirtira fl-età normali.
Full & Egal Universal Law Academy