Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2010 – RANI Slovakia vs Hankook Tire Magyarország
(Kawża C‑298/09)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Impriża ta’ impjieg temporanju – Rekwiżit ta’ stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru li fih jingħata s-servizz”
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Applikabbiltà għall-Istati Membri l-ġodda – Ungerija (Artikoli 49 sa 54 KE; Att ta’ adeżjoni tal-2003, Artikoli 2, 53 u 54) (ara l-punti 37-39 u d-dispożittiv 1)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Direttiva 96/71 (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, premessa 19 u Artikolu 1(4)) (ara l-punti 47-51 u d-dispożittiv 2)
3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Impriżi ta’ impjieg temporanju (Artikoli 49 KE sa 54 KE) (ara l-punti 56-58, id-dispożittiv 3)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Fővárosi Bíróság - Interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(ċ) KE, tal-Artikoli 49, 52 u 54 KE, kif ukoll tad-Direttiva 96/71/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l‑eżerċizzju tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju għall-kumpanniji li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali biss.
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 49 KE sa 54 KE ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju, fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, tibqa’ valida sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jkunx adotta programm jew direttivi bil-għan li jiġu implementati dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal‑liberalizzazzjoni tal-kategorija ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni.
2)
La l-premessa 19 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, u lanqas l-Artikolu 1(4) tagħha ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju biss għall-kumpanniji li huma stabbiliti fit‑territorju nazzjonali jew jagħtihom trattament iktar vantaġġuż, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-attività inkwistjoni, minn dak mogħti lill‑impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
3)
L-Artikoli 49 KE sa 54 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju lill‑impriżi li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy