Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Mejju 2010 – Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni
(Kawża C‑451/09 P)
“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Prova tal-oriġini Komunitarja ta’ prodotti li nqabdu minn bastiment li huwa proprjetà ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Grieg – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jaċċettaw dokumenti maħruġa minn Stat terz, minbarra d-dokument T2M”
1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Kundizzjonijiet - Att normativ li jimplika għażliet ta’ politika ekonomika - Ksur suffiċjentement serju ta’ regola superjuri tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi - Rekwiżit ta’ ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 20-25)
2. Appell - Aggravji - Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi - Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament (ara l-punt 30)
3. Appell - Aggravji - Aggravju mressaq kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun ġustifikat id-dispożittiv tagħha - Aggravju ineffettiv (ara l-punt 38)
4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Kundizzjonijiet - Dannu - Obbligu għall-parti leża li turi diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-dannu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 39, 40)
Suġġett
Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2009, Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑162/07), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) ċaħdet rikors għad-danni intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba nuqqas min-naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jadottaw id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, fil-każ inkwistjoni l‑awtoritajiet doganali Griegi, li jaċċettaw bħala prova tal-oriġini tal-prodotti tas‑sajd li nqabdu minn bastiment Grieg proprjetà tar-rikorrenti, dokumenti maħruġa minn Stat terz, minbarra d-dokument T2M previst mir-Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).
Dispożittiv
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy