Kawża C-519/09
Dieter May
vs
AOK Rheinland/Hamburg – Die Gesundheitskasse
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Wuppertal)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Politika soċjali — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Leave annwali li jaħbat fl-istess żmien ma’ leave tal-mard — Ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ mard — Kunċett ta’ ħaddiem — Impjegati suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar il-leave annwali tal-uffiċjali pubbliċi (‘Dienstordnungsangestellte’)”
Sommarju tad-digriet
Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Leave annwali bi ħlas — Kunċett ta’ ħaddiem
(Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1) u (2))
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħaddiem” jinkludi impjegat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku fil-qasam tas-sigurtà soċjali, suġġett, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-dritt tiegħu għal-leave annwali bi ħlas, għar-regoli applikabbli għall-uffiċjali pubbliċi.
(ara l-punt 27 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ April 2011(*)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Leave annwali li jaħbat fl-istess żmien ma’ leave tal-mard – Ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ mard – Kunċett ta’ ħaddiem – Impjegati suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar il-leave annwali tal-uffiċjali pubbliċi (‘Dienstordnungsangestellte’)”
Fil-Kawża C-519/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Wuppertal (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Dieter May
vs
AOK Rheinland/Hamburg – Die Gesundheitskasse,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.-J. Kasel, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. May u min kien jimpjegah qabel, l-AOK Rheinland/Hamburg – Die Gesundheitskasse [fond lokali ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ Rhénanie/Hamburg (iktar ’il quddiem l‑“AOK”)], fir-rigward ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju li jirrigwarda ċerti ġranet ta’ leave annwali bi ħlas li hu ma setax jieħu matul is-snin 2006 u 2007.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi kif ġej:
“Għan u skop
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
2. Din id-Diretiva tapplika għal:
a) il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]
[…]
3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal‑Kunsill] 89/391/KEE [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.
[…]”
4 L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jaqra kif ġej:
“Leave annwali
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.
2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l‑impieg tkun ġiet itterminata.”
5 L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga minn xi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. L-ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.
6 Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 huwa stabbilit bl-Artikolu 2 tagħha, li għalih jirreferi l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88. Skont l-imsemmi Artikolu 2:
“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).
2. Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Ir-regolament dwar il-leave annwali ta’ uffiċjali pubbliċi u ta’ Imħallfin fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (Verordnung über den Erholungsurlaub der Beamtinnen und Beamten und Richterinnen und Richter im Lande Nordrhein Westfalen – Erholungsurlaubsverordnung), fil-verżjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 1993, fl-Artikolu 8 tiegħu jipprovdi:
“Il-leave annwali għandu, sa fejn ikun possibbli, jittieħed kollu matul is-sena ta’ referenza. Fuq talba tal-persuna kkonċernata, il-leave jingħata fuq numru ta’ perijodi; ġeneralment, għandu madankollu jiġi evitat li jinqasam fuq iktar minn żewg perijodi.
Il-leave li ma jittiħidx mid-disa’ xhar sa tmiem is-sena ta’ referenza jintilef. (Fil-każ ta’ kisba jew ta’ tmiem tal-istatus ta’ uffiċjal pubbliku matul is-sena ta’ referenza) […] il-leave jintilef fi tmiem is-sena ta’ wara.”
8 Ir-regolament tas-servizz tal-impjegati tal-AOK Rheinland (Dienstordnung für die Angestellten der AOK Rheinland), fil-verżjoni tiegħu tal-1 ta’ Jannar 1999, fl‑Artikolu 20(1) jipprovdi:
“Għajr għal dispożizzjonijiet speċjali kuntrarji previsti mil-liġi jew minn dan ir‑regolament tas-servizzi, id-dispożizzjonijiet dwar l-uffiċjali pubbliċi tal-Land japplikaw b’analoġija jew mutatis mutandis għall-impjegati u għall-benefiċjarji ta’ pensjoni ta’ rtirar f’dak li jirrigwarda:
[…]
f) leave.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 D. May kien impjegat mal-AOK mill-1 ta’ April 1966 sal-31 ta’ Marzu 2009. Mill-24 ta’ April 2006 sat-tmiem tal-impjieg tiegħu, huwa kien għal parti kbira minn dan iż-żmien inkapaċi li jaħdem minħabba mard.
10 D. May ħa l-leave annwali bi ħlas tiegħu għas-snin 2008 u 2009.
11 Fir-rikors tiegħu quddiem l-Arbeitsgericht Wuppertal (Qorti Industrijali ta’ Wuppertal), D. May qed jitlob kumpens finanzjarju għal 11-il jum leave annwali għas-sena 2006 kif ukoll għal 28 jum leave annwali għas-sena 2007, li huwa ma setax jieħu.
12 L-AOK qed jitlob li r-rikors jiġi miċħud. Skont din, impjegat (“Angestellter”) ta’ fond għall-mard tal-Land ta’ Rhénanie tan-Nord-Westphalie suġġett għar-regolament tas-servizz (“Dienstordnung”) jitħallas u, għaldaqstant, jiġi kkumpensat bħala uffiċjal pubbliku ta’ dan il-Land, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma għandu l‑ebda dritt għal kumpens finanzjarju ta’ leave annwali fit-tmiem tal-impjieg tiegħu.
13 Il-qorti tar-rinviju tqis li dritt għal tali kumpens finanzjarju ta’ leave annwali joħroġ mill-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88, jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem” hemm imsemmi jinkludi wkoll impjegat suġġett għal regolament tas‑servizz bħal dak applikabbli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali.
14 F’dan il-kuntest, l-Arbeitsgericht Wuppertal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-kunċett ta’ ‘ħaddiem’ fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88/KE […] ikopri anki impjegat suġġett għal regoli applikabbli għal uffiċjali (Dienstordnungsangestellter) f’korp irregolat mid-dritt pubbliku li r-regoli awtonomi tiegħu, maħruġa fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni federali […], jirreferu, fir-rigward tal-intitolament tal-leave ta’ tali impjegat, għad‑dispożizzjonijiet applikabbli għal uffiċjali pubbliċi [tal-Land ta’ Rhénanie tan-Nord-Westphalie]?”
Fuq id-domanda preliminari
15 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li t-tweġiba għal talba għal deċiżjoni preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih riferiment għall-ġurisprudenza kkonċernata.
16 F’din il-kawża hemm lok fejn l-imsemmija dispożizzjoni tiġi applikata.
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il‑kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jinkludix impjegat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaqa’ fil-qasam tas-sigurtà soċjali, suġġett, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dritt tiegħu għal-leave annwali bi ħlas, għar-regoli applikabbli għal uffiċjal pubbliku.
18 F’dan ir-rigward għandu jiġi qabelxejn imfakkar li, skont l-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, li għalih jirreferi, l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw għall-oqsma kollha ta’ attività, privati jew pubbliċi, sabiex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol u sabiex jirregolaw ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom.
19 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 89/391 għandu jiġi meqjus b’mod wiesa’, b’mod li l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tiegħu jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, Ġabra p. I‑7963, punti 34 u 35, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, punt 22). Fil-fatt, l-imsemmija eċċezzjonijiet ġew adottati biss sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-servizzi indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà, tas-saħħa kif ukoll tal-ordni pubbliku fil-każ ta’ ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ skala eċċezjonali (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 55).
20 Peress li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija rilevanti għal dak li jikkonċerna impjegat li jsib ruħu fis-sitwazzjoni ta’ impjegat bħalma huwa r‑rikorrent fil-kawża prinċipali, l-attività ta’ tali impjegat taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.
21 Għandu mbagħad jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha titqies li hija “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar‑relazzjoni ta’ impjieg hija, skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 26, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I-7573, punt 15).
22 Din il-preċiżazzjoni, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, tapplika wkoll għall-istess kunċett ta’ ħaddiem fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli, C‑94/07, Ġabra p. I‑5939, punt 27).
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti l-ebda indikazzjoni li tqajjem xi dubji fir-rigward tal-fatt li r-relazzjoni tal-impjieg bejn D. May u min iħaddmu, l-AOK, kellha xi karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ impjieg imsemmija fil-punt 21 tal-imsemmi digriet.
24 Fl-aħħar nett, jekk minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq diġà jirriżulta li d-domanda preliminari titlob risposta fil-pożittiv, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ distinzjoni fil-klawżola ta’ eċċezzjoni msemmija fl‑Artikolu 45(4) TFUE, li tikkonċerna l-impjieg fl-amministrazzjoni pubblika, huwa irrilevanti jekk ħaddiem huwiex ingaġġat bħala labourer, impjegat jew uffiċjal, jew anki jekk ir-rabta ta’ impjieg tiegħu tirriżultax mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat. Dawn il-kwalifiki legali fil-fatt ivarjaw skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għaldaqstant ma jistgħux jipprovdu kriterju ta’ interpretazzjoni approprjat għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 5).
25 Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi osservat li l-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat b’mod espliċitu li professur ta’ università Ġermaniz huwa, indipendentement mill-istatus tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku attribwit lilu permezz tad-dritt nazzjonali, ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tal-10 ta’ Marzu 2005, Marhold, C‑178/04, punt 19).
26 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ ċar li impjegat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.
27 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l‑Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kunċett ta’ “ħaddiem” jinkludi impjegat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku fil‑qasam tas-sigurtà soċjali, suġġett, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d‑dritt tiegħu għal-leave annwali bi ħlas, għar-regoli applikabbli għall-uffiċjali pubbliċi.
Fuq l-ispejjeż
28 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kunċett ta’ “ħaddiem” jinkludi impjegat ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku fil-qasam tas-sigurtà soċjali, suġġett, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-dritt tiegħu għal-leave annwali bi ħlas, għar-regoli applikabbli għall-uffiċjali pubbliċi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy