21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/47
Rikors ippreżentat fis-16 ta' Jannar 2009 — Vanhecke vs Il-Parlament
(Kawża T-14/09)
(2009/C 69/104)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Rikorrent: Frank Vanhecke (Bruges, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Tournicourt u B. Siffert, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008, innotifikata lir-rikorrent fit-30 ta' Novembru 2008, li permezz tagħha tneħħiet l-immunità parlamentari tar-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' ittra indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, il-Ministru tal-Ġustizzja Belġjan talab li titneħħa l-immunità parlamentari tar-rikorrent. Skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrent, din it-talba saret wara talba mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-belt ta' Dendermonde li xtaq jiftaħ proċedimenti kontra r-rikorrent minħabba l-kontenut ta' artiklu li ġie ppubblikat f'gazzetta lokali fil-belt ta' Sint-Niklaas, li għaliha r-rikorrent kien l-editur responsabbli.
Sussegwentement, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jneħħi l-immunità parlamentari tar-rikorrent.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel motiv tiegħu, li skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom. Minn dan jirriżulta li t-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew tista' tintalab biss mill-awtorità li taħt id-dritt nazzjonali hija awtorizzata titlob it-tneħħija tal-immunità ta' membru tal-parlament nazzjonali. Għalhekk, it-talba sabiex tinbeda l-proċedura għat-tneħħija tal-immunità parlamentari kellha ssir lill-Ministru tal-Ġustizzja mill-uffiċċju ġenerali tal-prosekutur pubbliku tal-Hof van beroep u mhux, kif ġara f'dan il-każ, mill-uffiċċju lokali tal-prosekutur pubbliku fil-livell ta' distrett (Bezirk).
It-tieni motiv jirrigwarda l-mod kif ittieħdet id-deċiżjoni fil-Kumitat għall-Affarijiet legali tal-Parlament Ewropew. Ir-rikorrent jindika li l-membri tal-Kumitat, li ddeċidew dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tiegħu, kellhom jew ikunu preżenti għal-laqgħa li fiha jinstema' r-rikorrent jew kellu jkollhom rapport iddettaljat bi preżentazzjoni tal-argumenti. Dan ma kienx il-każ hawnhekk.
Fit-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni ksur tal-kunfidenzjalità u tal-obbligu ta' segretezza. F'dan il-kuntest huwa jsostni li r-rapport tal-president tal-kumitat kien diġà disponibbli għall-istampa qabel ma ttieħed il-vot finali mill-Kumitat għall-Affarijiet legali.
Fir-raba' motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni ksur tal-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew minħabba li kien impossibbli li jinżamm kwalunkwe dibattitu f'seduta plenarja.
Fil-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tagħmel biss riferiment għar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet legali.
Fis-sitt motiv tiegħu r-rikorrent jikkontesta r-raġunament tal-Kumitat għall-Affarijiet legali fis-sens li “mhuwiex kompitu ta' deputat tal-Parlament Ewropew li jaġixxi bħala l-editur responsabbli għal gazzetta ta' partit politiku nazzjonli”. Fil-fehma tar-rikorrent, huwa kompitu ta' politikant li jesprimi u jxerred opinjoni politika u l-pubblikazzjoni ta' kitbiet politiċi, fil-funzjoni ta' editur responsabbli, jagħmlu tabilħaqq parti mill-kompiti ta' Membru tal-Parlament Ewropew.
Full & Egal Universal Law Academy