4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/27
Rikors ippreżentat fid-9 ta' Jannar 2009 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-17/09)
(2009/C 82/49)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti VT/2008/019 — EMPL EESSI għas-“Servizzi u prodotti tal-informatika fil-kuntest tal-proġett EESSI (Electronic Exchange of Social Security Information)” (1), ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tat-30 ta' Ottubru 2008 u kull deċiżjoni ulterjuri relatata inkluża d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-kuntrattur li l-offerta tiegħu rnexxiet;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 883 703,5;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tirrifjuta l-offerta tagħha ppreżentata b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti VT/2008/019 — EMPL CAD A/17543 għas-servizzi u prodotti tal-informatika fil-kuntest tal-proġett EESSI (Electronic Exchange of Social Security Information) u li l-kuntratt jingħata lill-kuntrattur li l-offerta tiegħu rnexxiet. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għall-allegati danni fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba' motivi.
L-ewwel nett, hija targumenta li l-offerent rebbieħ gawda trattament privileġġat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' diversi kuntratti oħra u li huwa ġie ffavorit fil-każ ta' din is-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet diskriminazzjoni sistematika min-naħa tal-konvenuta fl-istess kuntest.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva r-regoli dwar il-kriterji ta' esklużjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta u għalhekk kisret l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju (2) u l-Artikoli 133a u 134 tar-regoli ta' implementazzjoni tiegħu kif ukoll l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE (3).
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta l-Kumitat ta' Evalwazzjoni evalwa l-offerta tar-rikorrenti.
Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti li hija wettqet fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali u arbitrarji, naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha u f'dan il-kuntest wettqet diversi żbalji ta' evalwazzjoni.
(1) ĠU 2008/S 111-148231.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).
(3) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).
Full & Egal Universal Law Academy