1.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/19
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2009 – Alfastar Benelux vs Il-Kunsill
(Kawża T-57/09)
2009/C 102/31
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Alfastar Benelux (Ixelles, il-Belgju) (rappreżentant: N. Keramidas, lawyer)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li jirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata fir-rigward tas-Sejħa għal Offerti miftuħa UCA-218-07 għall-provvista ta’ “Manutenzjoni teknika – help desk u servizzi ta’ intervenzjoni fuq il-post għall-kompjuters, printers u tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill” (1) ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008 u deċiżjonijiet tal-Kunsill sussegwenti relatati inklużi dik li jingħata l-kuntratt lill-kuntrattur li ntgħażel;
—
tordna lill-Kunsill iħallas kumpens għal danni sostnuti mir-rikorrenti minħabba l-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni ta’ ammont ta’ EUR 2 937 902 jew proprzjoni ta’ dan l-ammont skont id-data li fiha tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija iktar ’il fuq;
—
tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti anki jekk ir-rikors jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata fir-rigward tas-Sejħa għal Offerti miftuħa UCA-218-07 għall-provvista ta’ “Manutenzjoni teknika – help desk u servizzi ta’ intervenzjoni fuq il-post għall-kompjuters, printers u tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill” u li jingħata l-kuntratt lill-kuntrattur li ntgħażel. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-dannu li allegatament sostniet minħabba l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erbgħa motivi.
Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-konvenut wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward: in-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni tal-offerenti magħżul, in-nuqqas ta’ kontrolli ta’ sigurtà tan-NATO għall-persunal tal-offerenti magħżul, il-fatt li l-offerenti magħżul ma kienx jiddisponi mill-persunal offert, il-kwalifikazzjonijiet tal-persunal tal-offerenti magħżul fil-konfront ta’ dawk tar-rikorrenti, il-punti ta’ trasferiment tal-għarfien u l-evalwazzjoni tan-numru ta’ persunal propost mill-offerenti.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut naqas milli josserva l-obbligi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza.
Fit-tielet lok, issostni li s-sejħa għal offerti kien fiha diversa informazzjoni inkonsistenti u mhux eżatta.
Fl-aħħar, ir-rikorrenti tqis li l-konvenut kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.
(1) ĠU 2008/S 91-122796.
Full & Egal Universal Law Academy