4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/34
Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2009 — Schemaventotto vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-58/09)
(2009/C 82/59)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Schemaventotto SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, G. Scassellati Sforzolini, G. C. Rizza, M. Piergiovanni, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tannulla d-deċiżjoni/jiet fl-ittra tat-13 ta' Awwissu 2008, Nru C(2008) 4494, mibgħuta mill-Kummissarju Kroes, għan-nom u f'isem il-Kummissjoni Ewropea, lill-awtoritajiet Taljani, u li tikkonċerna/jikkonċernaw proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Każ COMP/M.4388 — Abertis vs Autostrade); u
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti f'din il-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors jikkontesta d-deċiżjoni fl-ittra tal-Kummissarju Kroes tat-13 ta' Awwissu 2008, li permezz tagħha, skont ir-rikorrenti, il-konvenuta kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani d-deċiżjoni tagħha li ma jkunx hemm prosegwiment tal-każ COMP/M.4388 Abertis vs Autostrade taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament). Fil-fatt, il-Kummissjoni tapprova l-miżuri leġiżlattivi regolamentari dwar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għat-“trasferiment” tal-konċessjonijiet awtostradali (Direttiva tal-2007 u d-Digriet tal-2008). Madankollu, fl-ittra msemmija l-konvenuta tirriżerva l-pożizzjoni tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-qafas leġiżlattiv Taljan dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-konċessjonijiet awtostradali mar-regoli tas-suq intern.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-Artikolu 21 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet billi tinvoka l-motivi li ġejjin:
—
Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista' tirreferi għal emendi tal-qafas leġiżlattiv rilevanti li saru wara l-31 ta' Jannar 2007, id-data tal-evalwazzjonijiet preliminari. Ladarba s-setgħat tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-investigazzjoni taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament huma strettament marbuta mal-kuntest tal-evalwazzjoni ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni speċifika ta' dimensjoni Komunitarja, li magħha huma marbuta l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, l-emendi leġiżlattivi li seħħew wara ma setgħux jipproduċu effetti fuq l-azzjonijiet fil-passat tal-awtoritajiet Taljani, li wasslu għall-abbandun mill-partijiet tal-operazzjoni f'Diċembru 2006, tliet xhur wara l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament.
—
Ir-rikorrenti tikkritika l-abbuż/użu ħażin tal-poter tal-Kummissjoni, peress li l-bażi legali magħżula għall-kontenut tad-deċiżjoni espliċita li “ma jkunx hemm prosegwiment” kontra l-miżuri Taljani inkwistjoni ma kinitx xierqa. Jidher f'dan ir-rigward illi, bid-deċiżjoni tagħha li l-emendi għall-qafas leġiżlattiv magħmula matul iż-żmien sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm fil-futur il-preokkupazzjonijiet espressi fl-evalwazzjonijiet preliminari tagħha tal-31 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament tip ta' deċiżjoni li l-istess Artikolu ma jikkontemplax. Fil-fatt, il-Kummissjoni użat is-setgħat taħt l-imsemmi Artikolu 21 sabiex tiddikjara kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri ta' portata ġenerali adottati minn Stat Membru, b'mod li m'għandu ebda rabta mal-operazzjoni speċifika ta' konċentrazzjoni li għal waqfien tal-istess l-Italja adottat il-miżuri nazzjonali inkwistjoni.
—
Meta qieset li l-qafas regolatorju Taljan, kif emendat, sar kompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-inċertezzi ulterjuri kkawżati mill-ordinament Taljan tal-miżuri nazzjonali msemmija, li ċertament ikkontribwixxew sabiex ikun hemm ambjent favorevoli għal konċentrazzjonijiet futuri eventwali li jinvolvu s-suq tal-konċessjonijiet awtostradali fl-Italja. Barra minn hekk, ir-reġim adottat mill-Amministrazzjoni Taljana fl-2007 u 2008 kellu madankollu jitqies ukoll li jmur kontra l-Artikolu 21 inkwantu jimponi, bħala konsegwenza ta' “trasferiment” ta' konċessjoni awtostradali, obbligi ikbar minn dawk li altrimenti l-persuni involuti kien ikollhom.
Full & Egal Universal Law Academy