16.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/36
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 — Química Atlântica vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-71/09)
2009/C 113/74
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Química Atlântica, Lda (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentant: J. Teixeira Alves, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tadotta miżuri intiżi għall-armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni u ta’ tassazzjoni tal-fosfat tad-dikalċju importat mit-Tuneżija;
—
tiddikjara li dan in-nuqqas tal-Kummissjoni ta lok għal differenzi sostanzjali fit-tassazzjoni tal-merkanzija ddikjarata fil-Portugall, meta mqabbla ma’ dik iddikjarata fl-Istati Membri li, minħabba raġunijiet ta’ viċinanza ġeografika, jikkompetu mal-operaturi li jiddikjaraw din il-merkanzija fil-Portugall;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-fosfat tad-dikalċju;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni li l-fosfat huwa prodott li mhuwiex organiku, miksub bir-reazzjoni kimika permezz taż-żieda ta’ aċdu ma’ minerali, peress li l-klassifikazzjoni tiegħu hija qabel kollox exkluża mill-ewwel erbgħa u għoxrin Kapitolu tal-Tariffa Doganali Komuni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri li jassiguraw li l-klassifikazzjoni, adottata fid-diversi Stati Membri, tiġi armonizzata skont kriterji ermenewtiċi adegwati;
—
tiddikjara li r-rikorrenti għandha d-dritt li tingħata rifużjoni tad-dazji doganali żejda li ntalbet tħallas taħt ir-rata tal-kodiċi tat-tariffa 2835 52 90.
—
tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża u għall-ispejjeż neċessarji sostnuti mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni u tal-onorarji tal-avukat.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkumerċjalizza l-fosfat tad-dikalċju, importat mit-Tuneżija, li, sal-1994, kienet tiddikjara fid-dwana taħt l-isem ta’ Ortofosfat ta’ idroġenu tal-kalċju (fosfat tad-dikalċju) taħt il-kodiċi tat-tariffa 2835 52 90 tan-NM. L-awtoritajiet doganali Portugiżi kienu jeħtieġu li l-fosfat tad-dikalċju jiġi ddikjarat taħt il-kodiċi 2309 90 98 tan-NM, bħala preparazzjonijiet tat-tip użati għall-ikel tal-annimali — oħrajn, li huma suġġetti għal taxxa għolja. Filwaqt li, fi Franza, fir-Renju Unit u fi Spanja, li jassorbu kważi l-fosfat tad-dikalċju kollu miksub mit-Tuneżija u esportat mill-UE, l-istess prodott ġie kklassifikat taħt il-kodiċi tat-tariffa 2835 52 90, suġġett għar-rata żero.
Ir-rikorrenti ħeġġet lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-fosfat tad-dikalċju, iżda l-Kummissjoni ma għamlet xejn. Il-Kummissjoni kienet ilha tipposponi t-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-armonizzazzjoni tal-fosfat tad-dikalċju sa mill-2005. F’Diċembru tal-2008, il-Kummissjoni adottat att espliċitu, ta’ kontenut negattiv, li jikkonsisti, minn naħa, fid-dikjarazzjoni li l-klassifikazzjoni tal-fosfat tad-dikalċju taħt il-pożizzjoni tat-tariffa 2309 hija paċifika u uniformi fid-diversi Stati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut konsegwenti li tadotta miżuri sabiex tarmonizza l-klassifikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti awtentiċi li jipprovaw li l-fosfat tad-dikalċju importat mit-Tuneżija, l-ikbar fornitriċi Komunitarja, huwa kklassifikat fi Franza u fi Spanja taħt il-kodiċi tat-tariffa 2835 25 90 u kellha l-mezzi li ssir taf li, minn tal-inqas, fir-Renju Unit, ukoll tiġi adottata din l-istess klassifikazzjoni. Is-sempliċi affermazzjoni li ma jeżistux problemi ta’ klassifikazzjoni tal-fosfat fi Stati Membri oħra mhijiex għal kollox minnha, minħabba li ma jintqalx li f’dawn l-Istati Membri ma jiġix importat il-fosfat tad-dikalċju mit-Tuneżija. B’hekk, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-fosfat tad-dikalċju provenjenti mit-Tuneżija kienx ta’ kompożizzjoni simili għas-sostituti tiegħu, importati minn postijiet oħra, madankollu u minkejja li hija kellha għarfien dwar l-eżistenza ta’ Informazzjoni vinkolanti dwar it-Tariffa fi Franza, hija ma wettqitx tali verifika. Ir-risposta tal-Kummissjoni għall-ilmenti tar-rikorrenti tikkonsenti klassifikazzjonijiet tat-tariffa diverġenti u, minħabba f’hekk, neċessarjament żbaljati, tibbaża ruħha fuq premessi li mhumiex minnhom u tispiċċa ma tieħu l-ebda miżura ta’ armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni, u b’hekk iżżomm is-sitwazzjoni inċerta li kien hemm qabel.
Il-qrati Portugiżi ikkonfermaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali Portugiżi, mingħajr ma ressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, meta huma kellhom l-obbligu li jagħmlu dan. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri li jimportaw il-fosfat tad-dikalċju mit-Tuneżija, il-merkanzija hija ddikjarata taħt il-kodiċi tat-tariffa 2835 52 90. Din id-differenza fil-klassifikazzjoni tat-tariffa, li tiġi riflessa fit-taxxa, eskludiet lir-rikorrenti mis-suq Spanjol, fejn il-fosfat tad-dikalċju kien jibbenefika mid-dritt liberu ta’ klassifikazzjoni taħt il-kodiċi tat-tariffa 2835 52 90.
Full & Egal Universal Law Academy