1.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/28
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fid-9 ta’ Diċembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-52/05, Q vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-80/09 P)
2009/C 102/43
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Joris u B. Eggers, aġenti)
Appellat: Q (Brussell, il-Belġju)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża F-52/05 sa fejn tilqa’ t-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità taċ-ċaħda impliċita ta’ miżura ta’ tbegħid, kif ukoll it-talbiet għad-danni marbuta mal-miżura ta’ tbegħid u l-ksur tal-obbligu ta’ premura;
—
tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Q quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-52/05 sa fejn dan intlaqa’ mill-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku;
—
tiddeċiedi skont id-dritt fuq l-ispejjeż tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tal-appell;
—
b’mod sussidjarju,
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża F-52/05;
—
tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;
—
tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tad-9 ta’ Diċembru 2008, mogħtija fil-kawża Q vs Il-Kummissjoni, F-52/05, li biha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa minn Q dwar allegat fastidju psikoloġiku sa fejn ma ttieħdux miżuri provviżorji ta’ tbegħid u kkundanna lill-Kumissjoni tħallas lil Q s-somma ta’ EUR 18 000 EUR bħala danni.
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ aggravji bbażati:
—
fuq żball ta’ liġi min-naħa tat-TSP meta ddeċieda li “ċertu injorar tal-obbligu ta’ premura” kien jikkostitwixxi aġir illegali li jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, sa fejn i) il-ksur tal-obbligu ta’ premura mhuwiex suffiċjentement serju sabiex jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u ii) it-TSP ddeċieda li kien hemm ksur ta’ dan l-obbligu ta’ premura minkejja li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej;
—
fuq żball ta’ liġi min-naħa tat-TSP meta ddeċieda li r-rifjut impliċitu ta’ miżura ta’ tbegħid jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, sa fejn it-TSP naqas milli jivverifika jekk hemmx ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.
Full & Egal Universal Law Academy