4.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 153/41
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2009 — Treeleborg Industrie vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-147/09)
2009/C 153/81
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Treeleborg Industrie SAS (Clermont Ferrand, Franza) (rappreżentanti: J. Joshua, Barrister u E. Aliende Rodríguez, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti u fi kwalunkwe każ tal-anqas sa fejn jistabbilixxi li twettaq xi ksur mir-rikorrenti qabel il-21 ta’ Ġunju 1999;
—
tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 sabiex tikkoreġi l-iżbalji manifesti fid-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 428 finali tat-28 ta’ Jannar 2009 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-Każ COMP/39406 — Pajpijiet tal-baħar safejn iżżommha responsabbli għal parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu fis-settur ta’ pajpijiet tal-baħar fiż-ŻEE, li kien jikkonsisti fl-allokazzjonijiet ta’ appalti, l-iffissar ta’ prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ bejgħ, it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi, u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, volumi ta’ bejgħ u sejħiet għal offerti. Barra minn hekk, din titlob it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.
Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi insostenn tat-talbiet tagħha.
Fl-ewwel lok, hija ssostni li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għal kull perijodu qabel il-21 ta’ Ġunju 1999 hija preskritta taħt l-Artikolu 25(1) tar-Regolament 1/2003 billi r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi meta sabet li r-rikorrenti kienet wettqet ksur uniku u kontinwu.
Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Kummissjoni m’għandhiex interess leġittimu li tagħmel konstatazzjoni dikjaratorja ta’ ksur għall-ewwel perijodu li kien intemm f’Mejju 2007.
Fit-tielet lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod illegali wettqet diskriminazzjoni kontriha billi ttrattatha b’mod differenti minn destinatarji oħrajn rigward ir-responsabbiltà tagħha għall-aġir ta’ kumpannija predeċessur u kisret id-dritt għal smigħ u l-obbligu li tagħti motivi.
Full & Egal Universal Law Academy