4.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 153/44
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2009 — Kitou vs Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(Kawża T-164/09)
2009/C 153/88
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Erasmia Kitou (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: S. Pappas, avocat)
Konvenut: Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Regolament Nru 1049/2001 KE mhuwiex applikabbli;
—
sussidjarjament, tikkonstata l-iżball ta’ liġi fl-applikazzjoni konġunta tar-Regolamenti Nri 1049/2001 KE u 45/2001 KE;
—
konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni 2008-0600 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;
—
tikkonstata li t-talba għall-aċċess għad-dokumenti ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 45/2001;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li permezz tagħha dan kien ikkonkluda li l-iżvelar, matul proċedura ġudizzjarja nazzjonali, ta’ ċerta data dwar il-karriera tar-rikorrenti fi ħdan is-servizz tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 45/2001 (1) u 1049/2001 (2).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:
—
id-deċiżjoni kkontestata hija infondata, inkwantu din hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 li mhuwiex applikabbli f’din il-kawża peress li t-talba għal aċċess ma tirrigwardax dokument fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 iżda esklużivament data personali;
—
anke jekk jiġi meqjus li r-Regolamenti Nri 1049/2001 u 45/2001 jistgħu jiġu applikati b’mod konġunt f’din il-kawża, xorta jibqa l-fatt li l-konvenut għamel applikazzjoni żbaljata tagħhom meta kkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 45/2001, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, japplikaw biss jekk kienet applikabbli l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti;
—
il-konvenut interpreta b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 inkwantu t-talba għal aċċess ma kinitx tirrigwarda dokument u ma kienet ibbażata fuq l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001.
(1) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU 2001, L 8, p. 1).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).
Full & Egal Universal Law Academy