18.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 167/15
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2009 — Z vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-173/09)
2009/C 167/30
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Z (il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Grau u N. Jäger, Rechtsanwälte)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
tordna lill-konvenuta tindika lir-rikorrent, billi tagħtih aċċess għall-fajl tal-proċedura fil-Każ COMP/3946 — “Marine Hoses” (Pajpijiet tal-baħar) — u billi tipprovdilu b’mod partikolari kopja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 li timponi multa fuq Dunlop Oil & Marine/ContiTech AG/Continental AG għal allegata parteċipazzjoni fil-kartell tal-pajpijiet tal-baħar bejn l-1986 u l-2007, jekk huwa kienx imsemmi b’ismu f’din id-deċiżjoni u — jekk dan huwa l-każ — li tindika l-kuntest li fih issemma isem ir-rikorrent, u, b’mod partikolari, sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni rilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni u tad-dritt kriminali li hija relatata mar-rikorrent;
—
telimina, b’mod li għadu jrid jiġi deċiż wara li jkun ingħata l-aċċess għall-fajl, ir-referenzi għal isem ir-rikorrent, b’mod partikolari, l-informazzjoni rilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tad-dritt kriminali relatata mar-rikorrent fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 li timponi multa fuq Dunlop Oil & Marine/ContiTech AG/Continental AG għal allegata parteċipazzjoni fil-kartell tal-pajpijiet tal-baħar bejn l-1986 u l-2007;
—
ma tirreferix għar-rikorrent b’ismu u tonqos milli tirreferi għar-rikorrent fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea, tal-5 ta’ Marzu 2009, li tagħtih aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-proċedura COMP/39406 — pajpijiet tal-baħar. Barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob it-tħassir tal-informazzjoni li jista’ jkun hemm fir-rigward tiegħu fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 f’dan il-każ kif ukoll il-projbizzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tiegħu fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni.
Fil-motivazzjoni tar-rikors, ir-rikorrent isostni li d-dritt li jikseb aċċess għall-fajl u t-tħassir tal-informazzjoni kollha fir-rigward tiegħu jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet fundamentali u elementari proċedurali tar-rikorrent, jiġifieri d-dritt għal smigħ, id-dritt tal-aċċess għall-fajl u l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, id-dritt tal-aċċess għall-fajl jirriżulta mid-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1).
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).
Full & Egal Universal Law Academy