18.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 167/19
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2009 — UOP vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-198/09)
2009/C 167/38
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: UOP Ltd (Brimsdown, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister, u O. Geiss, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-miżura ta’ għajnuna implementata minn Franza għall-grupp IFP [C 51/05 (ex NN 84/05)] (1);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-miżura ta’ għajnuna implementata minn Franza għall-grupp Institute Français du Petrol (IFP) [C 51/05 (ex NN 84/05)] [innotifikata bin-Numru C (2008) 1330] sa fejn hija tiddikjara, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. Ir-rikorrenti hija kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat u s-sussidjarji tiegħu, Axens u Prosernat.
Ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha.
L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi bi ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-Qafas għar-Riċerka u għall-Iżvilupp tal-1996 billi ddeskriviet b’mod żbaljat in-natura tar-riċerka u tal-iżvilupp meħud minn IFP taħt l-Annes I tal-Qafas għar-Riċerka u għall-Iżvilupp tal-1996 u għalhekk iddeterminat b’mod żbaljat l-intensità massima pponderata tal-għajnuna. Ir-rikorrenti tibbaża l-motivi tagħha fuq is-segwenti: l-attivitajiet ta’ Axens u Prosernat fir-rigward tal-proċessi ma jikkwalifikawx bħala riċerka u żvilupp u l-iżvilupp kollu prekompetittiv isir minn IFP; IFP għamlet tal-inqas il-parti tal-iżvilupp prekompetittiv għall-proċess teknoloġiku u għall-katalisti li jinvolvu l-użu tal-pjanti pilota kif ukoll il-parti tal-iżvilupp prekompetittiv li jaqa’ fi ħdan il-portafoll privattiv tagħha.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi bi ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-Qafas għar-Riċerka u għall-Iżvilupp tal-1996 billi naqset milli tqis l-għajnuna operattiva mogħtija lil Axens u Prosernat, is-sussidjarji ta’ IFP. Ir-rikorrenti tibbaża l-motiv fuq tliet argumenti u ssostni li: il-benefiċċji lil Axens permezz tal-użu kontinwu tal-pjanti pilota kif ukoll il-benefiċċji indiretti lil Axens permezz ta’ fondi edukattivi minn IFP u permezz tal-kooperazzjoni ta’ riċerka internazzjonali minn IFP ma tqisux.
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi billi kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija lil IFP u s-sussidjarji tagħha, Axens u Prosernat, għandha effett ta’ inċentiv.
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt u ta’ liġi billi naqset mill tipprovdi raġunament xieraq u/jew billi naqset milli tqis fl-intier l-evidenza li kella quddiemha.
(1) ĠU 2009 L 53, p. 13
Full & Egal Universal Law Academy