10.10.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 244/5
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2009 — Trasys vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-277/09)
2009/C 244/08
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Trasys (Woluwe-Saint-Lambert, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Martens u P. Hermant, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2009, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti għal-Lots C u E fis-Sejħa għal offerti Nru 10017 u li tagħti l-kuntratt lill-kuntratturi magħżula.
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu l-offerta tagħha magħmula għal Lots C u E bħala tweġiba għal sejħa għal offerti pubblika insostenn tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u t-taqsima CORDIS tagħha għall-provvista ta’ servizzi ta’ pubblikazzjoni u komunikazzjoni (1) u li tagħti l-kuntratt lill-kuntrattur magħżul.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi.
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikoli 100 u 89(1) tar-Regolament Finanzjarju (2), billi b’mod mhux raġonevoli llimitat l-aċċess għal informazzjoni essenzjali u konsegwentement ċaħħdet lir-rikorrenti mill-opportunità li tifhem sewwa l-metodu użat sabiex jiġu evalwati l-offerti u r-raġunijiet għalfejn l-offerta tagħha inċaħdet.
It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-offerta tagħha kienet suġġetta għal metodoloġija ta’ evalwazzjoni ta’ offerta li tmur kontra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, bħall-prinċipji ta’ trattament ugwali u trasparenza.
It-tielet nett, hija ssostni li l-kundizzjonijiet għal offerta ma kinux ċari biżżejjed, u li l-aħħar kjarifiki ġew ipprovduti tard wisq mill-awtorità tal-kuntratti u, konsegwentement, ir-rikorrenti ma kinitx fil-pożizzjoni li tippjana l-offerta tagħha u li tieħu inkunsiderazzjoni l-metodu ta’ kif kienet ser issir l-evalwazzjoni.
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-offerta tagħha kienet suġġetta għal evalwazzjoni mhux raġonevoli u sproporzjonata mill-awtorità tal-kuntratti li wassal għal żbalji fl-evalwazzjoni li jivvizzjaw id-deċiżjoni finali.
(1) ĠU 2008/S 242-321376
(2) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy