10.10.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 244/15
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2009 — Google vs UASI (ANDROID)
(Kawża T-316/09)
2009/C 244/25
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Google, Inc. (Mountain View, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. Bognár u M. Kinkeldey, avukati)
Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-26 ta’ Mejju 2009, fil-Każ R 1622/2008-2; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob sabiex:
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), tas-26 ta’ Mejju 2009, fil-Każ R 1622/2008-2 fir-rigward tal-prodotti “materjal informatiku u softwer tal-kompjuter li jintuża b’konnessjoni ma’ apparat mobbli, smart phones, assistenti personali diġitali portabbli (PDAs)”; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob sabiex:
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), tas-26 ta’ Mejju 2009, fil-Każ R 1622/2008-2 u terġa’ tibgħat il-każ quddiem l-UASI sabiex dan jeżamina ulterjorment il-lista ta’ prodotti “materjal informatiku u softwer tal-kompjuter li jintuża b’konnessjoni ma’ apparat mobbli, smart phones, assistenti personali diġitali portabbli (PDAs)”.
Motivi u argumenti prinċipali
Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark verbali “ANDROID” għal prodotti fil-klassi 9
Deċiżjoni tal-eżaminatur: Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja rrifjutata
Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud
Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni u għaldaqstant ma setgħetx tiġi rreġistrata; ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell żbalja billi m’eżaminax il-perċezzjoni tal-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy