7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/80
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2009 — Jurašinović vs Il-Kunsill
(Kawża T-359/09)
2009/C 267/142
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Ivan Jurašinović (Angers, Franza) (rappreżentant: A. Beguin, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni espliċita tas-17 ta’ Ġunju 2009 u d-deċiżjoni impliċita sussegwenti li biha r-rikorrent inċaħad l-aċċess għad-dokumenti li ġejjin:
—
rapporti ta’ osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Awwissu 1995;
—
dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log Reports”;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Segretarjat Ġenerali sabiex jippermetti l-aċċess, fil-forma elettronika, għad-dokumenti mitluba;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 000 mingħajr taxxa jew EUR 2 392 bit-taxxa inkluża bħala kumpens proċedurali bir-rati ta’ imgħax tal-BĊE fil-jum tal-preżentata tar-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni espliċita tas-17 ta’ Ġunju 2009 u d-deċiżjoni impliċita sussegwenti tal-Kunsill li tiċħadlu l-aċċess għar-rapporti ta’ osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Awwissu 1995 u d-dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log Reports”.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi bbażati:
—
fuq nuqqas ta’ ħsara għall-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), sa fejn:
—
ebda ħarsien speċifiku ma jista’ japplika għad-dokumenti mitluba; u
—
anki jekk ħarsien speċifiku jista’ jiġi applikat għalihom, peress li għadda nofs il-perijodu massimu ta’ ħarsien taħt l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa ġġustifikat l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba;
—
barra minn hekk, sakemm ma jkunux ikklassifikati f’kategorija ta’ ħarsien, id-dokumenti inkwistjoni ma jaqgħux fil-kategorija ta’ dokumenti sensittivi kif iddefiniti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001;
—
fuq nuqqas ta’ ħsara għall-ħarsien ta’ proċedimenti fil-qrati u pariri legali skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn:
—
din l-eċċezzjoni tikkonċerna l-ħarsien tal-proċedimenti fil-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, filwaqt li f’dan il-każ, il-Kunsill qed jiġġustifika ċ-ċaħda tiegħu għal aċċess bi proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja;
—
id-dokumenti mitluba kienu diġà ġew ikkomunikati lill-partijiet fil-kawża Gotovina quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja, u dan jiġġustifika wkoll l-għoti ta’ aċċess lir-rikorrent;
—
il-Kunsill mhuwiex responsabbli sabiex jiżgura l-iżvolġiment xieraq tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-Ex-Jugoslavja; u
—
interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
(ĠU L 145, p. 43).
Full & Egal Universal Law Academy