Kawża T-58/09
Schemaventotto SpA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Rikors għal annullament — Konċentrazzjonijiet — Abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni — Deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”
Sommarju tad-digriet
1. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Regolament Nru 139/2004 — Proċedura ta’ kontroll — Interessi pubbliċi previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament — Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett permezz ta’ miżuri nazzjonali — Limiti
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 8 u 21(4))
2. Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix, wara l-abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni, bil-proċedura skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Proċedura li għandha n-natura ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Esklużjoni
(Artikoli 86(3) KE, 226 KE u 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 21(4))
1. Meta Stat Membru jikkomunika interess pubbliku ieħor minn dak ikkunsidrat mir-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li huwa jixtieq jipproteġi, il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ kontroll prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) ta’ dan ir-regolament. Hija sussegwentement marbuta tipproċedi bl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ dan l-interess mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju qabel ma tinnotifika d‑deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru kkonċernat f’terminu ta’ 25 jum ta’ xogħol mill-imsemmija komunikazzjoni, billi tevita kemm jista’ jkun, milli d-deċiżjoni tagħha tidħol fis-seħħ biss wara li l-miżuri nazzjonali jkunu diġà kkompromettew definittivament il-konċentrazzjoni prevista. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni hija b’hekk obbligata, sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha meħuda taħt l‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, milli tadotta fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat deċiżjoni li tikkonsisti jew li tirrikonoxxi l-interess inkwistjoni fid-dawl tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipji ġenerali u d‑dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, jew inkella fin-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dan l-interess fid-dawl tal-inkompatibbiltà tiegħu ma’ dawn il‑prinċipji u dispożizzjonijiet.
Peress li l-proċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tirreferi għall-kontroll tal-operazzjonijiet konkreti ta’ konċentrazzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni tiddependi madankollu fuq il-konklużjoni tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, kif il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti biex tadotta deċiżjoni taħt ir-Regolament Nru 139/2004 qabel il‑konklużjoni ta’ tali ftehim, hija tieqaf milli tkun kompetenti hekk kif dan il‑ftehim jiġi mitmum, anki jekk l-impriżi kkonċernati jkomplu n-negozjati tagħhom bil-għan li jiġi konkluż ftehim “taħt forma oħra”.
Konsegwentement, f’każ tal-abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni, il‑Kummissjoni ma tkunx iktar kompetenti sabiex tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, permezz ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett permezz tal-miżuri nazzjonali.
(ara l-punti 112, 115-117)
2. Ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni tinforma Stat Membru dwar id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura mibdija skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ma tipproduċix effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li taffettwa l-interessi ta’ impriża rikorrenti, li kienet parti fi pjan ta’ konċentrazzjoni sussegwentement abbandunat, billi mmodifikat b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Deċiżjoni bħal din ma tistax tammonta għal att li jista’ jiġi kkontestat.
Fil-fatt, permezz tat-tressiq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, wara l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni b’hekk ma kellhiex iktar l-intenzjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett mill-miżuri nazzjonali, iżda pjuttost deċiżjoni li tiddikjara li l-Istat Membru inkwistjoni kien kiser l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament.
Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni effettivament tabbanduna l-qafas tal-proċedura miftuħa abbażi tal-imsemmi Artikolu 21(4) tar-Regolament, u tkompliha bħala proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk kif previst mill-Artikolu 226 KE jew l-Artikolu 86(3) KE. Issa, il-Kummissjoni għandha f’dan ir‑rigward setgħa diskrezzjonali sabiex timplementa proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE u l-Artikolu 86(3) KE.
(ara l-punti 120, 124, 125)
DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
2 ta’ Settembru 2010 (*)
“Rikors għal annullament – Konċentrazzjonijiet – Abbandun ta’ pjan ta’ konċentrazzjoni – Deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T-58/09,
Schemaventotto SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, G. Scassellati Sforzolini, G. Rizza u M. Piergiovanni, avukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Abertis Infraestructuras, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Roca Junyent u P. Callol García, avukati,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni jew deċiżjonijiet allegatament kontenuti fl-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 dwar il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), sa fejn din tikkonċerna konċentrazzjoni bejn l-intervenjenti u Autostrade SpA (Każ COMP/M.4388 – Abertis/Autostrade),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Martins Ribeiro, President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-kuntest ġuridiku
1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdi sistema ta’ kontroll mill-Kummissjoni Ewropea tal-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja, kif definita fl-Artikoli 1 u 3 tal-imsemmi regolament. Dawn il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implementati (Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004). Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004).
2 L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi:
“Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni
1. Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1/2003, (KEE) Nru. 1017/68, (KEE) Nru. 4056/86 u (KEE) Nru. 3975/87 ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.
2. Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.
3. L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.
L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax is-setgħa ta’ kull Stat Membru li jwettaq kull inkjesta meħtieġa biex ikunu applikati l-Artikoli 4(4), 9(2) jew wara referenza, skond l-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, inċiż (b), jew l-Artikolu 9(5), biex jieħu l-miżuri meħtieġa strettament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(8).
4. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu interessi leġittimi, għajr dawk ikkunsidrati f’dan ir-Regolament u li jkunu jaqblu mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja.
Sigurtà pubblika, pluralità tal-media u regoli prudenti għandhom ikunu meqjusa bħala interessi leġittimi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu.
Kull interess pubbliku ieħor għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat u għandhu jkun rikonoxxut mill-Kummissjoni wara li ssir stima ta’ jekk huwiex kompatibbli mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja qabel il-miżuri msemmija hawn fuq ikunu jistgħu jittieħdu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat dwar id-deċiżjoni tagħha fi żmien 25 jum utli minn meta tkun mgħarrfa dwar l-interess pubbliku.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3 Ir-rikorrenti, Schemaventotto SpA, hija kumpannija Taljana. Hija tikkontrolla lil Atlantia SpA, li kienet Autostrade SpA, li tikkontrolla min-naħa tagħha lil Autostrade per l’Italia SpA (ASPI), organizzazzjoni konċessjonarja ta’ kostruzzjoni u ġestjoni ta’ awtostradi bi ħlas fl-Italja. L-intervenjenti, Abertis Infraestructuras, SA, hija impriża Spanjola li l-attività prinċipali tagħha hija l-ġestjoni ta’ awtostradi bi ħlas.
4 Fit-23 ta’ April 2006, il-bordijiet tat-tmexxija ta’ Autostrade u tal-intervenjenti approvaw il-“konċentrazzjoni Abertis/Autostrade”, pjan ta’ għaqda li kellha tirriżulta f’amalgamazzjoni permezz tal-inkorporazzjoni ta’ Autostrade fl-intervenjenti u l-kreazzjoni ta’ kumpannija ġdida li għandha s-sede tagħha fi Spanja. Din il-konċentrazzjoni sussegwentement ġiet approvata fil-laqgħat tal-azzjonisti ta’ Autostrade u tal-intervenjenti.
5 Permezz ta’ opinjoni vinkolanti tal-4 ta’ Awwissu 2006, il-Ministru tal-Infrastruttura Taljan, il-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan u, permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2006, l-Azienda nazionale autonoma delle Strade (ANAS, entità pubblika responsabbli mill-għoti ta’ konċessjonijiet tal-awtostradi fl-Italja) ċaħdu t-talba għal awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn l-intervenjenti u Autostrade, ippreżentata minn Autostrade. Skont l-ANAS, il-konċentrazzjoni kienet ġiet suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-amministrazzjoni, għaliex hija kienet twassal għal bdil tal-proprjetarju tal-konċessjoni.
6 Fit-18 ta’ Awwissu 2006, Autostrade u l-intervenjenti nnotifikaw il-pjan ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni b’mod konformi mar-Regolament Nru 139/2004. Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2006, wara li l-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni kienet ta’ dimensjoni Komunitarja u li l-operazzjoni ma għandhiex l-effett li tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, iddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata u ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.
7 Għalkemm il-Kummissjoni approvat il-konċentrazzjoni, Autostrade u l-intervenjenti interrompew l-implementazzjoni tagħha minħabba r-rifjut tal-ANAS li tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha. Huma kienu mħassbin li, f’każ li l-operazzjoni sseħħ u fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet Taljani kienu jirrevokaw il-konċessjoni tal-awtostradi fl-Italja, li kienet tammonta għall-attiv prinċipali ta’ Autostrade.
8 Fid-29 ta’ Settembru 2006, il-Gvern Taljan adotta d-decreto-legge n° 262 (su) disposizioni urgenti in materia tributaria e finanziaria (Digriet Liġi Nru 262 li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam fiskali u finanzjarju, GURI Nru 230, tat-3 ta’ Ottubru 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 262”). Fl-24 ta’ Novembru 2006, id-Digriet Liġi Nru 262 ġie kkonvertit f’liġi, wara emenda, permezz tal-legge n° 286 (Liġi Nru 286, supplement ordinarju tal-GURI Nru 277, tat-28 ta’ Novembru 2006).
9 Id-Digriet Liġi Nru 262 introduċa mudell ta’ ftehim wieħed, li jipprovdi li l-ftehim kollha ta’ konċessjoni tal-awtostradi konklużi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu kellhom jiġu redatti skont l-istess mudell u li jirrispettaw l-istess prinċipji. Dan il-ftehim wieħed kellu jieħu post il-ftehim kollha eżistenti tal-awtostradi mill-ewwel reviżjoni perjodika tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi Nru 262, taħt piena ta’ revoka awtomatika ta’ ftehim eżistenti f’każ ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet ġodda mill-konċessjonarju.
10 Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq, infurmat lill-awtoritajiet Taljani bil-valutazzjoni preliminari tagħha li skont din ir-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 billi ostakolat b’mod mhux ġustifikat lill-konċentrazzjoni.
11 Wara li rċeviet l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jneħħu mis-seħħ l-opinjoni vinkolanti tal-4 ta’ Awwissu 2006 mogħtija flimkien mill-Ministru tal-Infrastruttura Taljan u mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan kif ukoll tad-deċiżjoni tal-ANAS tal-5 ta’ Awwissu 2006.
12 Fl-14 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana taħt l-Artikolu 226 KE dwar ksur possibbli tal-Artikoli 43 KE u 56 KE fil-kuntest ta’ riforma tas-sistema ta’ konċessjoni tal-operat tal-awtostradi fl-Italja u tal-pjan ta’ inkorporazzjoni legali bejn Autostrade u l-intervenjenti.
13 Fit-13 ta’ Diċembru 2006, Autostrade u l-intervenjenti ddeċidew li jirrinunzjaw milli jwettqu l-konċentrazzjoni, minħabba l-impossibbiltà li sseħħ l-operazzjoni sat-terminu tal-31 ta’ Diċembru 2006, previst mill-pjan ta’ inkorporazzjoni legali li l-azzjonisti ta’ kull waħda mill-impriżi kienu approvaw. Fost il-motivi ta’ din id-deċiżjoni, iż-żewġ kumpanniji semmew fl-istqarrija tagħhom għall-istampa tat-13 ta’ Diċembru 2006, minbarra d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi Nru 262, id-diffikultà li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-ANAS fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ġdida.
14 Fil-31 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani evalwazzjoni preliminari ġdida skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Hija waslet għall-konklużjoni preliminari li l-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma ddeterminawx minn qabel u b’mod suffiċjentement ċar il-kriterji ta’ interess pubbliku invokati għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u l-fatt li huma ma kinux adottaw id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mitluba minn Autostrade u ASPI jammontaw għal miżuri fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 li kienu wasslu li jipprojbixxu de facto jew sabiex jikkompromettu b’mod qawwi t-twettiq ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja. L-implementazzjoni ta’ miżuri bħal dawn mingħajr notifika minn qabel u mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni kienu ammontaw għal ksur, mill-awtoritajiet Taljani, tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ “standstill” previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Il-miżuri inkwistjoni kienu allegatament inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u kienu jidhru, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, li jillimitaw b’mod mhux ġustifikat il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 KE u 56 KE). Il-Kummissjoni żiedet li, jekk din l-evalwazzjoni preliminari kienet ikkonfermata, hija tista’ tadotta deċiżjoni li tiddikjara lir-Repubblika Taljana li kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
15 Fit-18 ta’ Lulju 2007, wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa li fiha hija ddikjarat ruħha favorevoli għall-proposta tad-direttiva interministerjali, ippreżentata mill-awtoritajiet Taljani, destinata sabiex tikkjarifika l-kuntest ġuridiku għall-awtorizzazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ konċessjonijiet tal-awtostradi fl-Italja. Il-Kummissjoni indikat li, meta din id-direttiva u d-dispożizzjonijiet tagħha ta’ applikazzjoni jidħlu fis-seħħ, hija setgħet tagħlaq il-proċedura li hija kienet bdiet kontra r-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
16 Fit-30 ta’ Lulju 2007, il-Ministru tal-Infrastruttura Taljan, flimkien mal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan, adotta d-Direttiva (su) criteri di autorizzazione alle modificazioni del concessionario autostradale derivanti da concentrazione comunitaria (direttiva fuq kriterji ta’ awtorizzazzjoni għall-bdil tal-konċessjonarju tal-awtostrada b’riżultat tal-konċentrazzjoni Komunitarja, GURI Nru°224, tas-26 ta’ Settembru 2007). Id-digriet ta’ implementazzjoni ġie adottat fid-29 ta’ Frar 2008 (GURI Nru 52, tat-3 ta’ Marzu 2008).
17 Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tikkonkludi l-proċedura miftuħa fir-rigward tar-Repubblika Taljana rigward il-konċentrazzjoni permezz ta’ deċiżjoni li tiddikjara li din kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
18 Fit-22 ta’ Mejju 2008, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tiegħu li jipproponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-klassifikazzjoni tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 u stidnitu jikkommunika l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan il-punt. Ir-rikorrenti rrispondiet b’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2008.
19 Fit-13 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani l-ittra li hija s-suġġett tar-rikors preżenti.
20 F’din l-ittra, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani li hija kienet tilqa’ b’mod favorevoli l-iżviluppi riċenti u indikat li hija kienet tikkunsidra b’mod partikolari li l-pubblikazzjoni tad-Direttiva tat-30 ta’ Lulju 2007 kif ukoll l-adozzjoni tal-pubblikazzjoni tad-digriet ta’ implimentazzjoni tad-29 ta’ Frar 2008 kienu jiżguraw li l-preokkupazzjonijiet espressi fl-evalwazzjonijiet preliminari adottati, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, fit-18 ta’ Ottubru 2006 u fil-31 ta’ Jannar 2007 rispettivament, ma kinux jimmanifestaw ruħhom iktar fil-futur. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni indikat li ddeċidiet li ma tkomplix bil-proċedura fil-każ Abertis/Autostrade abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 dwar okkorrenzi possibbli ta’ ksur identifikati fl-eżami preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007.
21 F’din l-ittra hija żiedet ukoll li, anki jekk hija kienet tikkunsidra li ma kienx iktar f’loku li tkompli bil-proċedura abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, il-qafas leġiżlattiv dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-konċessjonijiet kellha fi kwalunkwe każ tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali previsti mir-regoli tas-suq intern. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet tirriżerva l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.
22 Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, fi kwalunkwe każ, hija kienet ser tkompli tikkontrolla kull miżura speċifika adottata skont il-qafas leġiżlattiv ġdid, eventwalment applikabbli għall-konċentrazzjonijiet futuri ta’ dimensjoni Komunitarja.
23 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreċiżat fl-ittra tagħha li hija ma kienet tippreġudika ebda investigazzjoni oħra preżenti jew futura, b’mod partikolari tal-proċeduri speċifiċi ppreparati mid-DĠ “Suq Intern” u mid-DĠ “Enerġija u Trasport”.
24 Permezz ta’ ittri tal-4 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti u lill-intervenjenti dwar l-ittra tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2008.
25 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni kopja ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008.
26 Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni għalqet ukoll il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana, miftuħa fl-14 ta’ Novembru 2006 skont l-Artikolu 226 KE, dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital u għal-libertà ta’ stabbiliment fil-kuntest ta’ riforma tas-sistema ta’ konċessjoni tal-operat tal-awtostradi fl-Italja u tal-pjan ta’ inkorporazzjoni legali bejn Autostrade u l-intervenjenti.
27 Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-ittra tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2008.
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
28 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-11 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.
29 Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
30 Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2009, l-intervenjenti talbet tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Hija laqgħet din it-talba permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Lulju 2009.
31 Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-15 ta’ Ġunju 2009.
32 L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha limitata għad-domanda tal-ammissibbiltà tar-rikors fid-29 ta’ Settembru 2009. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din in-nota. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet fuq din in-nota.
33 Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet kontenuti fl-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 li tirrigwarda l-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 sa fejn din tikkonċerna l-konċentrazzjoni bejn l-intervenjenti u Autostrade;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;
– tordna kull miżura oħra, inklużi dawk istruttorji, li hija tikkunsidra xierqa.
34 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża;
– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
35 Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli u tikkonferma t-talbiet li saru fir-rikors.
36 Fin-nota tagħha ta’ intervent, l-intervenjenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli.
Id-dritt
37 Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’mod konformi mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment, ħlief f’każ ta’ deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar tikkunsidra li, fil-każ preżenti, hija għandha mill-atti tal-kawża biżżejjed informazzjoni u li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.
38 Insostenn tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni qajmet l-inammissibbiltà tar-rikors, ibbażata fuq in-natura tal-att ikkontestat.
L-argumenti tal-partijiet
39 Il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma kellhiex il-kontenut attribwit lilha mir-rikorrenti.
40 Fil-fatt, l-imsemmija ittra ma tinkludi la approvazzjoni espliċita tal-miżuri leġiżlattivi adottati mill-awtoritajiet Taljani f’Lulju 2007 u fi Frar 2008, u lanqas evalwazzjoni impliċita tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nazzjonali li kienu s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Din l-ittra tagħmel biss riferiment għad-deċiżjoni li ma titkompliex il-proċedura preċedentement miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament.
41 Fir-rigward tan-natura u tal-funzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni hija kompetenti tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipji ġenerali u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju ta’ interessi pubbliċi protetti minn Stat Membru ieħor minbarra dawk speċifikament rikonoxxuti bħala leġittimi fit-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu, anki fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dawn l-interessi mill-Istat Membru kkonċernat.
42 Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż sabiex jiżgura d-diviżjoni tal-interventi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-awtoritajiet Komunitarji. Il-legiżlatur ried jattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza esklużiva għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja u jiżgura li dan il-kontroll ikun jista’ jseħħ f’termini qosra.
43 Dan ikollu żewġ korollarji. L-ewwel nett, meta Stat Membru jadotta miżuri li ma humiex ġustifikati mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjoni li l-Kummissjoni tkun kompetenti tadotta fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni tissodisfa funzjoni simili għal dik ta’ proċedura skont l-Artikolu 226 KE. It-tieni nett, din id-deċiżjoni tammonta għal strument partikolarment adegwat sabiex tirrispondi għar-rekwiżiti speċifiċi ta’ rapidità inerenti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, peress li din hija intiża sabiex tikseb deċiżjoni Komunitarja fit-termini qosra previsti mir-Regolament Nru 139/2004 u sabiex tevita r-riskju li deċiżjoni ta’ dan it-tip isseħħ biss wara li l-miżuri nazzjonali jkunu diġà kkompromettew definittivament konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja.
44 Il-Kummissjoni tafferma li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix proċedura taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma hijiex att kontestabbli.
45 F’dan ir-rigward, hija tosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru hija inammissibbli. Mill-istruttura tal-Artikolu 226 KE jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiftaħ proċedura kif previst minn din id-dispożizzjoni, iżda li hija għandha setgħa diskrezzjonali li teskludi d-dritt tal-individwi li jeżiġu li l-istituzzjoni tesprimi ruħha f’sens determinat u li tressaq rikors għal annullament kontra r-rifjut tagħha li taġixxi.
46 L-istess prinċipju ġie affermat fir-rigward tar-rikors kontra r-rifjut, min-naħa tal-Kummissjoni, li tadotta deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru skont l-Artikolu 86(3) KE.
47 Skont il-Kummissjoni, bħal fil-każ ta’ rifjut li tibda jew tkompli proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE jew li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 86(3) KE, ir-rifjut milli tadotta deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, jew, fi kwalunkwe każ, li tibda jew tkompli l-proċedura, ma jipproduċix effetti legali vinkolanti u ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa ta’ individwu.
48 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna. Hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk, kif u meta għandha tinbeda jew titkompla l-proċedura inkwistjoni, bħal fis-sitwazzjonijiet simili ta’ ksur preżunt tad-dritt Komunitarju minn naħa ta’ Stat Membru, li jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE jew ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 86(3) KE. Dan ir-raġunament japplika a fortiori f’każ ta’ nuqqas ta’ notifika min-naħa tal-Istat Membru.
49 Il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-każ preżenti ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-ilmenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-ġurisprudenza, li timponi l-obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru wara talba bħal din u li taċċetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn min iressaq l-ilmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet, jibbażaw ruħhom fuq il-konstatazzjoni deċiżiva li l-Kummissjoni tippossjedi kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni.
50 Il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri adottati minn Stat Membru mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 jew ma’ regoli oħra tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa dispożizzjoni ta’ regolament li, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 249 KE, hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha u hija direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Kull qorti nazzjonali tista’ tapplikah.
51 Il-Kummissjoni iżżid li d-dispożizzjonijiet li jistgħu jinkisru mill-miżuri nazzjonali, li tagħhom il-Kummissjoni tista’ tintalab li tivverifika l-kompatibbiltà permezz ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom effett dirett. Dawn jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.
52 Anki jekk il-Kummissjoni ma tadottax id-deċiżjoni abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4), tar-Regolament Nru 139/2004, il-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu lil qorti nazzjonali tikkonstata l-ksur kemm tal-Artikolu 21, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni tippreċiża li huwa f’dan ir-rigward li teżisti d-differenza fundamentali bejn il-mekkaniżmu inkwistjoni fil-każ preżenti u dak applikabbli tal-imsemmija għajnuna mill-Istat. F’dan l-aħħar każ, il-qorti nazzjonali għandha biss rwol sussidjarju fl-eżami tal-kompatibbiltà rriżervata għall-Kummissjoni.
53 B’hekk jirriżulta li l-protezzjoni ġudizzjarja hija ggarantita mingħajr ma jkun neċessarju li tintalab deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew li titressaq kawża quddiem il-qorti Komunitarja.
54 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-rikors huwa iktar inammissibbli peress li l-impriżi kkonċernati rrinunzjaw għall-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 wara li l-partijiet għall-konċentrazzjoni rrinunzjaw li jimplementawha.
55 Il-Kummissjoni ma tkunx marbuta tadotta deċiżjoni peress li l-konċentrazzjoni li kellha tkun is-suġġett tagħha ġiet abbandunata u li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, ma kienx iktar possibbli li l-Istat Membru jikkonforma ruħu. Għandha tiġi rikonoxxuta favur il-Kummissjoni s-setgħa diskrezzjonali li tirrinunzja milli tkompli bil-proċedura meta, hekk kif inhuwa l-każ fil-każ preżenti, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali ġie fil-frattemp mibdul b’mod pożittiv.
56 Ir-rikorrenti tirrispondi li l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 tinkludi “deċiżjoni kumplessa”, saħansitra żewġ deċiżjonijiet distinti.
57 Fil-fatt, l-ewwel waħda, redatta f’termini ċari, tikkonsisti fl-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri leġiżlattivi dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-konċessjonijiet tal-awtostradi, introdotti fis-sistema legali Taljana f’Lulju 2007 u fi Frar 2008. It-tieni, redatta f’termini impliċiti, tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nazzjonali li kienu s-suġġett tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
58 Id-deċiżjoni impliċita tiġi dedotta mill-għeluq tal-proċedura inkwistjoni, kkomunikata lir-Repubblika Taljana permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008. Dan l-għeluq jeskludi loġikament il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-ksur tad-dritt Komunitarju previst inizjalment fl-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2007 skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Jekk, għal kuntrarju, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-ksur bħala eżistenti, hija kellha, minflok l-għeluq tal-proċedura, tikkonstata formalment dan il-ksur permezz ta’ deċiżjoni formali. Ir-rikorrenti żżid li, fil-każ fejn l-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma kinitx tinkludi d-deċiżjoni impliċita, din kienet timplika li l-Kummissjoni ma kinitx għadha ħadet pożizzjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur tad-dritt Komunitarju previst inizjalment fl-evalwazzjoni preliminari, u dan irendi d-deċiżjoni espliċita arbitrarja u illoġika.
59 Skont ir-rikorrenti, din l-evalwazzjoni tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 tirriżulta b’mod partikolari mill-paragun ta’ din tal-aħħar mal-evalwazzjonijiet preliminari tat-18 ta’ Ottubru 2006 u tal-31 ta’ Jannar 2007. Fil-fatt, f’dawn id-dati, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-miżuri meħuda mir-Repubblika Taljana bħala illegali. Wara t-tibdil tas-sistema legali Taljana f’Lulju 2007 u fi Frar 2008, dawn il-miżuri ma kinux iktar ta’ ostakolu għall-għeluq tal-proċedura. L-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 hija għalhekk ir-riżultat ta’ evalwazzjoni ġdida u differenti ta’ dawn il-miżuri.
60 Ir-rikorrenti żżid li l-interpretazzjoni tagħha tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 hija konformi mal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2009 indirizzata lill-intervenjenti (ara wkoll il-punti 74 u 75 iktar ’il quddiem).
61 Ir-rikorrenti tfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa fl-14 ta’ Novembru 2006, skont l-Artikolu 226 KE, li tirrigwarda ksur possibbli tal-Artikoli 43 KE u 56 KE, ingħalqet fis-16 ta’ Ottubru 2008. Dan l-għeluq neħħa kull effett legali lir-riżerva, inkluża fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008, li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-kuntest leġiżlattiv Taljan dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferiment tal-konċessjonijiet tal-awtostradi mar-regoli tas-suq intern.
62 Skont ir-rikorrenti, il-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma tistax tiġi assimilata kompletament ma’ proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 226 KE. Fil-fatt, is-setgħat tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ verifika taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, huma strettament marbuta mal-kuntest ta’ evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni speċifika u ta’ dimensjoni Komunitarja li għaliha jirreferu l-miżuri nazzjonali kontenzjużi. B’hekk huwa meħtieġ li deċiżjoni tiġi adottata fl-iqsar żmien kompatibbli mal-interessi kummerċjali tal-partijiet għall-operazzjoni. Il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE ma tistax tissodisfa dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, il-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 twassal għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ġuridikament vinkolanti fir-rigward ta’ Stat Membru u li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, kuntrarjament għal dak li jseħħ fil-każ ta’ proċedura taħt l-Artikolu 226 KE.
63 Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tevalwa jekk hemmx bżonn jew le li jsir eżami tal-miżuri nazzjonali tal-ibblukkar ta’ operazzjoni bbażata fuq interessi differenti minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, u hija lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar il-mument opportun sabiex tressaq rikors eventwali. Il-Kummissjoni għandha taġixxi immedjatament, qabel ma l-azzjoni tagħha tiġi kkunsidrata li ddaħlet tard u inutli minħabba l-abbandun tal-konċentrazzjoni, impost fuq il-partijiet – minkejja l-awtorizzazzjoni effettiva tal-operazzjoni mill-Kummissjoni – minħabba l-ibblukkar li jsir mill-Istat Membru kkonċernat. Ikun loġiku li l-Kummissjoni ma għandhiex lanqas is-setgħa, ladarba tinfetaħ il-poċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, li ma tkomplix bl-eżami tal-każ.
64 Ir-rikorrenti ssostni wkoll id-differenzi bejn il-proċedura prevista mill-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u dik prevista mill-Artikolu 86(3) KE. Fil-fatt, l-ewwel proċedura hija intiża, f’kuntrast mat-tieni waħda, li tiggarantixxi l-prinċipju tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja. Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali kbira li għandha l-Kummissjoni taħt l-Artikolu 86(3) KE għandha tkun marbuta mal-obbligu li l-Kummissjoni għandha taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li tikkunsidra r-rekwiżiti inerenti għar-rwol partikolari tal-impriżi kkonċernati u għall-fatt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiddisponu f’ċerti każijiet minn setgħa diskrezzjonali tant kbira sabiex jiġu rregolati ċerti oqsma li jistgħu jagħmlu parti mis-settur ta’ attività tal-imsemmija impriżi. Dan il-prinċipju ma jkunx applikabbli għas-setgħat li l-Kummissjoni għandha taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
65 Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, deċiżjoni ta’ għeluq ta’ proċedura ta’ eżami taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jkollha effetti legali vinkolanti għall-partijiet għall-konċentrazzjoni, l-iktar jekk din il-konċentrazzjoni hija awtorizzata. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura esklużiva tal-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, deċiżjoni bħal din għandha l-effett legali vinkolanti li trendi “definittiv u li ma jistax jitneħħa”, ħlief permezz tar-rimedji legali, l-ostakolu għat-twettiq tal-operazzjoni li huwa fil-qofol tal-miżura nazzjonali ta’ bblukkar. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ eżami taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi kkomparata ma’ deċiżjoni li ma tawtorizzax konċentrazzjoni li, wara eżami, tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, u din l-aħħar imsemmija deċiżjoni hija manifestament ikkunsidrata bħala li għandha effetti legali vinkolanti.
66 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tevalwa kemm il-leġittimità tal-interessi differenti minn dawk li huma speċifikament kklassifikati bħala leġittimi mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jadotta, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, jekk ir-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, ir-rikorrenti tkun mċaħħda mid-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligi ta’ notifika u ta’ “standstill” previst fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għall-Istat Membru kkonċernat, il-proċedura inkwistjoni tidher li hija simili ħafna għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.
67 Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-qrati nazzjonali ma għandhomx kompetenza konkorrenti ma’ dik tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ diviżjoni speċifika tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali u Komunitarji. Il-Kummissjoni waħidha hija kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 17 tiegħu, ir-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni, suġġett għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, kompetenza esklużiva għall-applikazzjoni tiegħu.
68 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li ma huwiex konkretement possibbli li tiġi implementata s-sitwazzjoni tal-kompetenza konkorrenti tal-qorti nazzjonali peress li ma hemm ebda kriterju ta’ koordinazzjoni ċar u applikabbli.
69 Il-qorti nazzjonali li l-partijiet jindirizzaw għandha tiddikjara ruħha inkompetenti sa fejn l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-interessi previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll tan-natura adegwata, proporzjonali u nondiskriminatorja tagħhom, huma rriżervati għall-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Il-possibbiltà, għar-rikorrenti, li jiksbu quddiem qorti nazzjonali l-protezzjoni tad-drittijiet tagħha, ibbażati fuq id-dritt Komunitarju u ppreġudikati mill-miżuri ta’ bblukkar nazzjonali, hija iktar u iktar eskluża fejn id-deċiżjoni tal-għeluq tal-proċedura fil-każ inkwistjoni tkun impliċitament ibbażata fuq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali li kienu s-suġġett tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. B’hekk titqajjem il-mistoqsija dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex tadotta approċċ differenti minn dak diġà adottat mill-Kummissjoni.
70 Sabiex jiġi evitat rifjut tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-ġurisprudenza li tipprovdi li individwu, direttament u individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni u li għandu interess jikseb l-annullament tagħha, jista’ jitlob dan lill-qorti fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx proċedura skont l-Artikolu 88 KE fir-rigward ta’ Stat Membru għandha tkun applikabbli għall-każ preżenti. B’dan il-mod, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tkompli bil-proċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tkun att li jista’ jiġi kkontestat.
71 Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba l-abbandun tal-konċentrazzjoni deċiża minn Autostrade u l-intervenjenti fit-13 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ssostni li, jekk argument bħal dan jitqies rilevanti, ikun meħtieġ li l-imġieba tal-Kummissjoni li nnotifikat it-tieni evalwazzjoni preliminari tagħha fil-31 ta’ Jannar 2007 lill-awtoritajiet Taljani tiġi kklassifikata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba,.
72 L-interess konkret u attwali tar-rikorrenti ikun ukoll marbut mal-intenzjoni tagħha li ssostni r-responsabbiltà tar-Repubblika Taljana għall-ksur tad-dritt Komunitarju, meta taġixxi f’kuntest ċivili quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tikseb kumpens għad-danni subiti konsegwentement għall-abbandun imġiegħel tal-konċentrazzjoni.
73 Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, li tipprovdi li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi kkunsidrat li ma għandux suġġett jekk l-abbandun ta’ konċentrazzjoni mill-partijiet iseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu previst għal “tneħħija tal-ksur”, stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha adottata skont l-Artikolu 226 KE, ma hijiex rilevanti għall-każ preżenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 226 KE.
74 L-intervenjenti ssostni l-argumenti tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008, hija żżid li l-Kummissjoni informatha, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2008. Minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra tal-4 ta’ Settembru 2008, hija talbet, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2009, spjegazzjonijiet lill-Kummissjoni, li hija kisbet fis-16 ta’ Marzu 2009.
75 L-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marżu 2009 tikkonferma l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni speċifika ta’ approvazzjoni tal-miżuri leġiżlattivi adottati mill-awtoritajiet Taljani f’Lulju 2007 u fi Frar 2008. Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni tindika li hija ddeċidiet li ma tkomplix bil-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 peress li hija kienet tikkunsidra li l-qafas leġiżlattiv implementat mill-awtoritajiet Taljani, filwaqt li speċifika l-proċedura ta’ trasferiment tal-konċessjonarji tal-awtostradi fl-Italja, temm id-dubji espressi mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha indirizzata lir-Repubblika Taljana fil-31 ta’ Jannar 2007.
76 Barra minn hekk, skont l-intervenjenti, l-interpretazzjoni tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 li saret mill-Kummissjoni hija inkoerenti mal-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 sa fejn taħt dan l-istess artikolu, il-Kummissjoni kellha teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju qabel ma jiġi rrikonoxxut l-interess pubbliku inkwistjoni.
77 Fir-rigward tal-allegata analoġija bejn il-proċeduri taħt l-Artikolu 226 KE u l-Artikolu 86(3) KE, minn naħa, u l-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, min-naħa l-oħra, l-intervenjenti ssostni li l-għan u l-iskop tal-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament huma differenti minn dawk tal-Artikolu 226 KE u tal-Artikolu 86(3) KE.
78 F’dan ir-rigward, l-intervenjenti ssostni li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandu l-għan li jipproteġi l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, għandu jiġi interpretat fil-kuntest tiegħu u fl-ambitu tal-għanijiet imħaddna minn dan ir-regolament. Sa fejn ir-Regolament Nru 139/2004 jirregola t-tranżazzjonijiet bejn individwi, il-proċedura skont l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament ma tistax tiġi sseparata mid-drittijiet u l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-iktar meta dawn tal-aħħar inkisru mill-azzjoni tal-Istat li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż li jipprekludi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet imorru kontra l-“għan ġenerali” tal-Artikolu 226 KE, li fl-ambitu tiegħu ma jaqgħux tranżazzjonijiet bejn individwi privati, u mar-rekwiżit li tiġi protetta kompetenza esklużiva.
79 Barra minn hekk, skont l-intervenjenti, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 għandu n-natura ta’ lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 226 KE.
80 L-intervenjenti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet li jopponu l-analoġija bejn l-Artikolu 226 KE u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettu mutatis mutandis li tiġi miċħuda l-analoġija bejn din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 86(3) KE.
81 Barra minn hekk, minħabba l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja, ir-rikorrenti tkun imċaħħda, f’każ ta’ inammissibbiltà tar-rikors, mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
82 Fir-rigward tal-analoġija bejn il-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 u dik taħt l-Artikolu 88 KE, l-intervenjenti żżid li l-Kummissjoni għandha s-setgħat kemm li tiddikjara l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja mas-suq komuni kif ukoll li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mar-regoli tas-suq komuni. Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri jipprovdu l-obbligi tan-notifika minn qabel u ta’ “standstill”, u jwieġbu għar-rekwiżiti ta’ rapidità. Barra minn hekk, bħal fil-każ tal-Artikolu 88(3) KE, fejn l-aħħar sentenza għandha effetti diretti, il-qorti nazzjonali tista’, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, timpedixxi li jkunu adottati dispożozzjonijiet statali li jippreġudikaw il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.
83 Fi kwalunkwe każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tilqa’ talba għal kumpens għad-danni, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ “standstill” previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, jekk din it-talba hija bbażata fuq l-ibblukkar ta’ konċentrazzjoni ppjanata. Fil-fatt, il-qorti nazzjonali ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-danni kkawżati u l-ksur tal-obbligu ta’ “standstill”. Hija l-Kummissjoni li għandha tiddikjara li l-obbligi previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 inkisru. Il-Kummissjoni għandha b’hekk tippronunzja ruħha fuq dan il-ksur sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kumpens tad-danni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix bil-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 ċaħħdet lir-rikorrenti u lill-intervenjenti mid-dritt għall-kisba ta’ kumpens mill-Istat, li jirriżulta minn deċiżjoni li setgħet tiġi adottata biss mill-Kummissjoni taħt din l-imsemmija dispożizzjoni.
84 Barra minn hekk, skont l-intervenjenti, f’kuntrast mal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jirkupra l-għajnuna mħallsa, il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tipprovdix għall-possibbiltà għall-partijiet għall-konċentrazzjoni li jerġgħu jmorru lura għas-sitwazzjoni inizjalment approvata mill-Kummissjoni, ladarba huma kellhom jirrinunzjaw għall-operazzjoni ppjanata. B’hekk ikun neċessarju li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ kompatibbiltà taħt l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament.
85 Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-abbandun tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-intervenjenti tosserva li l-interessi tal-partijiet għall-konċentrazzjoni jistgħu jiġu protetti biss jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni tkun l-unika istituzzjoni kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni bħal din. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tneħħi l-kontenut għall-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 sa fejn, jekk il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu deċiżjoni ladarba din il-proċedura tinbeda, kull Stat li jixtieq jibblokka konċentrazzjoni jista’ jagħmel dan billi jiġu adottati dispożizzjonijiet li għandhom bħala għan li jimplementaw konċentrazzjoni approvata mill-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
86 Skont ġurisprudenza stabbilita, jammontaw għal atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti bħal dawn, għandha tiġi eżaminata s-sustanza. Il-forma li biha jiġu adottati l-atti jew id-deċiżjonijiet hija, bħala regola, irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2008, Base vs Il-Kummissjoni, T-295/06, Ġabra p. II‑28, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
87 Ir-rikors preżenti għandu bħala għan id-deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet kontenuti fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 li fiha l-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura miftuħa fil-każ Abertis/Autostrade taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 dwar okkorrenzi possibbli ta’ ksur identifikati fl-eżami preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007.
88 Skont ir-rikorrenti, minn naħa, din l-ittra tinkludi deċiżjoni espliċita li tikkonsisti fl-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri leġiżlattivi dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-konċessjonijiet tal-awtostradi adottati mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri d-direttiva tat-30 ta’ Lulju 2007 u d-digriet ta’ implementazzjoni tad-29 ta’ Frar 2008 (ara punt 16 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, din l-ittra tinkludi deċiżjoni impliċita ta’ valutazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri tal-awtoritajiet Taljani li huma s-suġġett tal-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, jiġifieri n-nuqqas ta’ determinazzjoni minn qabel u b’mod suffiċjentement ċar tal-kriterji ta’ interess pubbliku invokati għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u tan-nuqqas ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mitluba minn Autostrade u ASPI (ara punt 14 iktar ’il fuq).
89 Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-allegata deċiżjoni espliċita dwar il-miżuri leġiżlattivi Taljani, għandu jingħad li l-kliem tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma ssaħħaħx l-interpretazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, fir-rigward tad-direttiva tat-30 ta’ Lulju 2007 u tad-digriet ta’ implementazzjoni tad-29 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tilqa’ b’mod favorevoli dawn l-iżviluppi u li hija kienet tikkunsidra dawn il-miżuri li jiżguraw li l-preokkupazzjonijiet espressi fl-evalwazzjonijiet preliminari tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2006 u tal-31 ta’ Jannar 2007 ma jerġgħux iseħħu fil-futur. Hija speċifikat fil-ittra tagħha li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija kienet iddeċidiet li ma tkomplix bil-proċedura miftuħa fil-każ Abertis/Autostrade taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 dwar okkorrenzi possibbli ta’ ksur identifikati fl-eżami preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007 (ara punt 20 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, l-ittra b’hekk għandha natura strettament proċedurali. Barra minn hekk, f’din l-ittra, saret distinzjoni ċara bejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri leġiżlattivi inkwistjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar is-segwitu tal-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
90 Fil-fatt mill-istruttura tal-ittra jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-miżuri leġiżlattivi inkwistjoni għandhom l-għan biss li jispjegaw u jimmotivaw id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tkomplix bil-proċedura fil-każ Abertis/Autostrade taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
91 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f’din l-ittra, li skont din, anki jekk hija tikkunsidra li mhux iktar f’loku li titkompla l-proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, il-qafas leġiżlattiv dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-konċessjonijiet għandu fi kwalunkwe każ jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali previsti mir-regoli tas-suq intern. Il-Kummissjoni b’hekk tispeċifika li hija tirriżerva l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward (ara punt 21 iktar ’il fuq).
92 Barra minn hekk għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kienet fetħet, permezz ta’ att separat, fl-14 ta’ Novembru 2006, proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 226 KE dwar ksur possibbli tal-Artikoli 43 KE u 56 KE fil-kuntest tar-riforma tas-sistema ta’ konċessjoni tal-ġestjoni tal-awtostradi fl-Italja u tal-pjan ta’ amalgamazzjoni bejn Autostrade u l-intervenjenti, li ngħalqet fis-16 ta’ Ottubru 2008 (ara punti 12 u 26 iktar ’il fuq). Fil-mument tal-għeluq tal-proċedura skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, l-eżami tal-qafas leġiżlattiv applikabbli għat-trasferiment tal-konċessjonijiet tal-awtostradi b’hekk ma kienx għadu intemm.
93 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar il-kliem tal-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2009, għandu jingħad li l-Kummissjoni annettiet magħha l-ittra tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2008 li suppost inkludiet l-allegata deċiżjoni espliċita. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fid-dawl tal-kontenut mhux ambigwu tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 dwar jekk il-Kummissjoni adottatx l-allegata deċiżjoni espliċita (ara punti 89 sa 91 iktar ’il fuq), dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
94 B’hekk jirriżulta li kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma tinkludix deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni li tapprova d-direttiva tat-30 ta’ Lulju 2007 u d-digriet ta’ implimentazzjoni tad-29 ta’ Frar 2008.
95 Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegata deċiżjoni impliċita li tirrigwarda l-miżuri tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti tibbaża l-argumenti tagħha, essenzjalment, fuq paragun tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 mal-evalwazzjonijiet preliminari tat-18 ta’ Ottubru 2006 u tal-31 ta’ Jannar 2007. Hija ssostni li, peress li l-miżuri tal-awtoritajiet Taljani li kienu s-suġġett ta’ dawn l-evalwazzjonijiet preliminari ma ostakolawx l-għeluq tal-proċedura inkwistjoni, l-ittra inkwistjoni tinkludi impliċitament evalwazzjoni ġdida u differenti ta’ dawn il-miżuri.
96 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li interpretazzjoni bħal din bl-ebda mod ma hija kkonfermata mill-kliem tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008.
97 Huwa minnu li, skont l-evalwazzjoni preliminari tat-18 ta’ Ottubru 2006 u tal-31 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni tikkunsidra, għal dak li jirrigwarda l-konċentrazzjoni prevista bejn Autostrade u l-intervenjenti, li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 u li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani kienu inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jidhru li jillimitaw b’mod inġustifikat il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment (ara punti 10 u 14 iktar ’il fuq).
98 Madankollu, mill-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 jirriżulta li d-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ittieħdet fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi li seħħew fl-Italja wara l-adozzjoni tal-evalwazzjoni preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007 mill-Kummissjoni. Dan il-motiv ta’ għeluq tal-proċedura inkwistjoni jirriżulta wkoll mill-istqarrija għall-istampa tat-18 ta’ Lulju 2007 tal-Kummissjoni, li fiha l-Kummissjoni tiddikjara ruħha favorevoli għall-proposta tal-awtoritajiet Taljani tad-direttiva interministerjali destinata li tikkjarifika l-kuntest ġuridiku għall-awtorizzazzjonijiet ta’ trasferiment tal-konċessjonijiet tal-awtostradi fl-Italija. Il-Kummissjoni fil-fatt indikat li, meta din id-direttiva u d-dispożizzjonijiet tagħha ta’ applikazzjoni jidħlu fis-seħħ, hija tkun tista’ tagħlaq il-proċedura li hija kienet fetħet kontra r-Repubblika Taljana taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 (ara punt 15 iktar ’il fuq). L-għeluq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tal-imsemmi regolament b’hekk seħħet indipendentement mill-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri tal-awtoritajiet Taljani li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura.
99 Barra minn hekk, mill-evalwazzjoni preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007 tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-tkomplija ta’ proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, wara li kkonstatat f’din l-evalwazzjoni li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u li l-miżuri tal-awtoritajiet Taljani kienu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni indikat li, jekk l-evalwazzjoni tagħha kienet ikkonfermata, hija setgħet tadotta deċiżjoni li tiddikjara li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament (ara punt 14 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li tadotta deċiżjoni bħal din. Ir-Repubblika Taljana, bħala destinatarja tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008, b’hekk kellha tifhem li l-Kummissjoni riedet biss teżerċita s-setgħa diskrezzjonali allegata tagħha li ma tkomplix bil-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004.
100 Ir-rikorrenti ġiet infurmata wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Mejju 2008 indirizzata lir-rikorrenti (ara punt 18 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni infurmat lil din dwar l-intenzjoni tagħha tal-għeluq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li hija kellha setgħa diskrezzjonali li tiftaħ u tkompli bi proċedura taħt din id-dispożizzjoni u li hija setgħet tiddeċiedi li ma tagħmilx dan jekk, fl-opinjoni tagħha, il-vantaġġ li jirriżulta mill-imġieba ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tagħmel tajjeb għan-neċessità li tissanzjona n-nuqqasijiet ta’ dawn l-awtoritajiet fil-passat.
101 Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ għeluq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 ma timplikax l-adozzjoni ta’ evalwazzjoni ġdida tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni.
102 Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, li skont dawn l-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 kellha tinkludi l-allegata deċiżjoni impliċita minħabba l-istruttura tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jingħad li dawn ma jiħdux inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali invokata mill-Kummissjoni (ara punti 99 u 100 iktar ’il fuq). Minflok ma ħadet deċiżjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni indikat espressament fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 li hija kienet ddeċidiet li ma tkomplix il-proċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-allegata setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti u l-intervenjenti, deċiżjoni bħal din ma hijiex ekwivalenti għal deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tal-miżuri tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni.
103 Konsegwentement, l-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma tinkludix deċiżjoni impliċita invokata mir-rikorrenti.
104 F’din l-ittra, il-Kummissjoni b’hekk ikkomunikat biss id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura fil-Każ Abertis/Autostrade miftuħa abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 dwar okkorrenzi possibbli ta’ ksur identifikati fl-eżami preliminari tal-31 ta’ Jannar 2007.
105 Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk din il-miżura tammontax għal att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq.
106 Il-miżura inkwistjoni tikkonċerna proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004.
107 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 jikkonċerna l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-konċentrazzjonijiet li ma humiex previsti minn dan ir-regolament bħala prinċipju jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija waħidha kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J.S. Moser et vs Il-Kummissjoni, C‑170/02 P, Ġabra p. I‑9889, punt 32, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 50).
108 Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, hekk kif tirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, tirrigwarda biss il-protezzjoni tal-interessi li huma kkunsidrati mill-imsemmi regolament, jiġifieri l-interessi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Fir-rigward ta’ dawn l-interessi, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni fejn tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni, abbażi tal-Artikolu 8 (1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004.
109 Min-naħa l-oħra, din il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni ma tipprekludix li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ interessi leġittimi minbarra dawk ikkunsidrati mir-Regolament Nru 139/2004, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha, taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, setgħa ta’ kontroll dwar l-osservanza tal-prinċipji ġenerali u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju mill-Istat Membru sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha meħuda taħt l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.
110 Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 139/2004 jirrigwarda biss il-kontroll ta’ operazzjonijiet konkreti ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi. Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, il-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja previsti minn dan ir-regolament għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implementati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 (1) sa (3), tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata fejn tiddikjara lil din kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni.
111 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 hija marbuta mal-kontroll ta’ operazzjonijiet konkreti ta’ konċentrazzjoni mill-Kummissjoni taħt l-imsemmi regolament. Fir-rigward tal-interessi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, previsti mir-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tieħu deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. Fir-rigward tal-interessi leġittimi minbarra dawk li huma kkunsidrati mir-Regolament Nru 139/2004, il-kontroll tagħhom mill-Kummissjoni, previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tal-imsemmi regolament, jiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.
112 Meta Stat Membru jikkomunika interess pubbliku differenti minn dawk ikkunsidrati mir-Regolament Nru 139/2004, li huwa jixtieq jipproteġi, il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ kontroll prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4) ta’ dan ir-regolament. Hija sussegwentement marbuta tipproċedi bl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ dan l-interess mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju qabel ma tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru kkonċernat f’terminu ta’ 25 jum ta’ xogħol mill-imsemmija komunikazzjoni, billi tevita kemm jista’ jkun, milli d-deċiżjoni tagħha tidħol fis-seħħ biss wara li l-miżuri nazzjonali jkunu diġà kkompromettew definittivament il-konċentrazzjoni prevista (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 107 iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni hija b’hekk obbligata, sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha meħuda taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, li tadotta fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat deċiżjoni li tikkonsisti jew fir-rikonoxximent tal-interess inkwistjoni fid-dawl tal-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, jew inkella fin-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dan l-interess fid-dawl tal-inkompatibbiltà tiegħu ma’ dawn il-prinċipji u dispożizzjonijiet.
113 Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet huma validi fil-każijiet, bħal fil-każ preżenti, fejn il-proċedura prevista fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma nbdietx permezz ta’ komunikazzjoni tal-Istat Membru, iżda nbdiet mill-Kummissjoni ex officio, kif aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 107 iċċitata iktar ’il fuq (punt 60), peress li n-natura tal-proċedura inkwistjoni ma tbidlitx għall-kumplament.
114 Issa, għandu jingħad li, fil-każ preżenti, il-pjan ta’ konċentrazzjoni bejn Autostrade u l-intervenjenti ġie abbandunat fit-13 ta’ Diċembru 2006. Id-deċiżjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji li jirrinunzjaw milli jwettqu dan il-pjan saret pubblika minnhom fi stqarrija għall-istampa fl-istess jum (ara punt 13 iktar ’il fuq).
115 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jingħad li, hekk kif ġie espost fil-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq, il-proċedura taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tirreferi għall-kontroll tal-operazzjonijiet konkreti ta’ konċentrazzjoni mill-Kummissjoni previsti fir-regolament. Il-kontroll tal-interessi, mill-Kummissjoni, previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4), tal-imsemmi regolament, għandu l-għan li jiżgura l-effettività tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.
116 It-tieni nett, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi, hekk kif jispeċifika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), tal-imsemmi regolament, fuq il-“konklużjoni tal-ftehim” ta’ konċentrazzjoni. Hekk kif il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 139/2004 qabel il-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan, hija tieqaf milli tkun kompetenti malli dan il-ftehim jiġi mħassar, anki meta l-impriżi kkonċernati jkomplu bin-negozjati tagħhom fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim “f’forma oħra” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 89).
117 Konsegwentement, minħabba l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni minn Autostrade u l-intervenjenti fit-13 ta’ Diċembru 2006 u peress li l-kontroll tal-interessi previsti fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu l-għan li jiżgura l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, din ma kinitx iktar kompetenti sabiex tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tal-imsemmi regolament permezz ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett permezz tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni.
118 Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma għandhiex biss funzjoni oġġettiva, iżda wkoll funzjoni suġġettiva, jiġifieri dik li tipproteġi l-interessi tal-impriżi kkonċernati dwar il-pjan ta’ konċentrazzjoni previst bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-ħeffa fil-proċedura prevista mill-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, minħabba l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni mill-impriżi kkonċernati, il-funzjoni suġġettiva kienet spiċċat. Peress li l-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni ġie abbandunat, ma kienx hemm iktar lok li jiġu protetti l-interessi tal-impriżi kkonċernati fir-rigward ta’ dan il-pjan.
119 Huwa wkoll minħabba l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni li l-għeluq mill-Kummissjoni tal-proċedura inkwistjoni ma tistax tkun ekwivalenti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni fil-fatt tikkonċerna biss il-każijiet fejn il-pjan ta’ konċentrazzjoni ma ġiex abbandunat mill-impriżi kkonċernati (ara punt 116 iktar ’il fuq).
120 Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx iktar kompetenti sabiex tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 permezz ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li xejn ma jindika li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni fejn eċċediet il-kompetenzi tagħha. Id-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 b’hekk ma pproduċietx effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi mmodifikat b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Il-Kummissjoni setgħet biss tieħu d-deċiżjoni formali li tikklassifika l-proċedura inkwistjoni. Id-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 li ma tkomplix bl-imsemmija proċedura ma kellhiex effett ieħor u b’hekk ma tistax tammonta għal att li jista’ jiġi kkontestat.
121 L-argument tar-rikorrenti li r-rikors għal annullament jekk xejn iżomm interess bħala bażi għal kawża possibbli għad-danni kontra r-Repubblika Taljana ma jikkumpensax il-fatt li, minħabba l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni fit-13 ta’ Diċembru 2006, id-deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma pproduċietx effetti ġuridiċi obbligatorji għar-rikorrenti.
122 Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li wara l-abbandun tal-pjan tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-proċedura effettivament imressqa mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 kellha n-natura ta’ proċedura ta’ ksur imressqa kontra r-Repubblika Taljana.
123 Fil-fatt, fil-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-31 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni ddefinixxiet l-ewwel nett il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 qabel ma kkonstatat li, billi implementathom, ir-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21(4) tal-imsemmi regolament u li dawn il-miżuri kienu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni mbagħad indikat li, jekk din l-evalwazzjoni preliminari kienet ikkonfermata, hija setgħet tadotta deċiżjoni li tiddikjara li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004.
124 Permezz tat-tressiq tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004, wara l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni b’hekk ma kellhiex iktar l-intenzjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni, iżda pjuttost deċiżjoni li tiddikjara li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament. Meta għamlet dan, hija effettivament abbandunat il-qafas tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u kompliet dan bħala proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk kif previst mill-Artikolu 226 KE jew l-Artikolu 86(3) KE.
125 Issa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex timplementa proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, Ġabra p. 291, punt 11, u tas-17 ta’ Mejju 1990, Sonito et vs Il-Kummissjoni, C‑87/89, Ġabra p. I‑1981, punt 6; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑461/06 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24), u tal-Artikolu 86(3) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, Ġabra p. I‑1283, punt 69).
126 Konsegwentement, huwa wkoll minħabba l-fatt li, wara l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni, il-proċedura li effettivament tressqet mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 assumiet in-natura ta’ proċedura ta’ ksur li d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008 ma tammontax għal att li jista’ jiġi kkontestat.
127 Il-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008 li ma jitkompliex l-eżami tal-każ Abertis/Autostrade abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tammontax għal att li jista’ jiġi kkontestat, ma hijiex invalidata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.
128 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li hija adottat, wara l-abbandun tal-pjan ta’ konċentrazzjoni fit-13 ta’ Diċembru 2006, l-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-31 ta’ Jannar 2007, għandu jingħad li, anki jekk wieħed jissopponi li adozzjoni tkun tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, din ma jistax ikollha bħala effett la li tagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku protett mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni, u lanqas li tagħti natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat lid-deċiżjoni li ma titkompliex il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004.
129 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti li, f’każ ta’ inammissibbiltà tar-rikors, ir-rikorrenti tkun imċaħħda mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet li jistgħu jinkisru mill-miżuri nazzjonali fil-każ preżenti, jiġifieri l-Artikoli 43 KE u 56 KE, huma ta’ effett dirett u li l-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu lill-qorti nazzjonali sabiex tikkonstata l-ksur tagħhom.
130 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jinvokaw il-ġurisprudenza li taċċetta l-ammissibbiltà ta’ rikors imressaq mill-kompetitur ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat u li għandu l-għan li jikkonstata n-nuqqas mill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88(3) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punti 49 sa 70).
131 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, peress li, fil-każ preżenti, il-pjan ta’ konċentrazzjoni ġie abbandunat mill-impriżi kkonċernati, il-benefiċċji inkwistjoni fis-sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 130 iċċitata iktar ’il fuq, ma ġewx irkuprati.
132 Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 130 iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata), fil-każ preżenti, il-qorti nazzjonali tista’ tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni mal-Artikoli 43 KE u 56 KE, b’mod li r-rikorrenti ma tiġix miċħuda mid-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 129 iktar ’il fuq).
133 Hekk kif jirriżulta minn dawn id-differenzi, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq b’hekk ma hijiex applikabbli għall-każ preżenti.
134 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix bil-proċedura miftuħa fil-każ Abertis/Autostrade taħt l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma tammontax għal att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.
135 Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
136 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.
137 Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
tordna:
1) Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.
2) Schemaventotto SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
3) Abertis Infraestructuras, SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Il-Lussemburgu, 2 ta’ Settembru 2010.
Reġistratur
Il-President
E. Coulon
M. E. Martins Ribeiro
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy