2.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Frar 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ Liège — Il-Belġju) — Missionswerk Werner Heukelbach ev vs État belge — SPF Finances
(Kawża C-25/10) (1)
(Tassazzjoni diretta - Moviment liberu tal-kapital - Taxxa fuq is-suċċessjoni - Legati favur entitajiet mingħajr skop ta’ lukru - Rifjut li tiġi applikata rata mnaqqsa meta dawn l-entitajiet għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih id-de cujus kien effettivament residenti jew ħadem - Restrizzjoni - Ġustifikazzjoni)
2011/C 103/12
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Il-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ Liège
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Missionswerk Werner Heukelbach ev
Konvenuta: État belge — SPF Finances
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Liège — Interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 45, 49 u 54 TFUE — Drittijiet ta’ suċċessjoni — Rifjut li tiġi applikata rata mnaqqsa applikabbli għall-legati magħmul għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru u fondazzjonijiet b’funzjoni pubblika meta dawn l-assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih id-de cujus kien residenti jew ħadem — Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
Dispożittiv
L-Artikolu 63 TFUE jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membri li tirriżerva l-possibbiltà ta’ benefiċċju għar-rata mnaqqsa tat-taxxi tas-suċċessjoni lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom l-uffiċċju rreġistrat f’dan l-Istat Membru jew fl-Istat Membru li fih id-de cujus kien effettivament residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu, fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa kien preċedentement effettivament residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu.
(1) ĠU C 100, 17.4.2010.
Full & Egal Universal Law Academy