17.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 370/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesfinanzhof — Il-Ġermanja) — Finanzamt Essen-NordOst vs GFKL Financial Services AG
(Kawża C-93/10) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 2(1) u 4 - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċetti ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas” u ta’ “attività ekonomika” - Bejgħ ta’ dejn dubjuż - Prezz ta’ xiri inqas mill-valur nominali ta’ dan id-dejn - Teħid ta’ responsabbiltà mix-xerrej għall-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-imsemmi dejn u tar-riskju ta’ falliment tad-debituri)
2011/C 370/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Finanzamt Essen-NordOst
Konvenuta: GFKL Financial Services AG
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikoli 4, 11A(1)(a) kif ukoll tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Volum 1, p. 23) — Kunċetti ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas u ta’ attività ekonomika — Factoring — Akkwist ta’ dejn li b’riskju bi prezz ikkalkolat skont il-probabbiltà ta’ falliment tad-debituri — Teħid ta’ responsabbiltà għall-irkupru tad-djun u għar-riskju ta’ falliment mill-operatur tal-factoring
Dispożittiv
L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tas Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu ma jipprovdix servizz bi ħlas, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1) u ma jwettaqx attività ekonomika fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta d-differenza bejn il-valur nominali tal-imsemmi dejn u l-prezz ta’ xiri tiegħu tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tad-dejn inkwistjoni fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu.
(1) ĠU C 134, 22.05.2010
Full & Egal Universal Law Academy