7.5.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Marzu 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tas-Symvoulio tis Epikrateias — il-Greċja) — Naftiliaki Etaireia Thasou AE (C-128/10), Amaltheia I Naftiki Etaireia (C-129/10) vs Ypourgos Emporikis Naftilías
(Kawżi magħquda C-128/10 u C-129/10) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kabotaġġ marittimu - Regolament (KEE) Nru 3577/92 - Artikoli 1 u 4 - Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ - Kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà tal-vapuri - Żamma tal-ordni fil-portijiet - Obbligi ta’ servizz pubbliku - Nuqqas ta’ kriterji preċiżi u magħrufa minn qabel)
2011/C 139/18
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Naftiliaki Etaireia Thasou AE (C-128/10), Amaltheia I Naftiki Etaireia (C-129/10)
Konvenut: Ypourgos Emporikis Naftilías
fil-preżenza ta’: Koinopraxia Epibatikon Ochimatagogon Ploion Kavalas — Thasou (C-128/10)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Symvoulio tis Epikrateias — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ — Sistema li tippermetti l-possibbiltà li r-rotot jitwettqu f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-vapuri u ta’ żamma tal-ordni fil-portijiet — Nuqqas ta’ kriterji preċiżi u magħrufa minn qabel
Dispożittiv
Id-dispożizzjonijiet ikkumbinati tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jmorrux kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ marittimu li tipprevedi l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l-osservazzjoni ta’ ċerti skedi tal-ħinijiet għal raġunijiet marbuta, minn naħa, mas-sigurtà tal-vapuri u mal-ordni fil-portijiet u, min-naħa l-oħra, mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, sakemm tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn numru ta’ proprjetarji jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, huwa wkoll neċessarju li jkun jista’ jintwera bżonn reali ta’ servizz pubbliku minħabba l-insuffiċjenza ta’ servizzi regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk fil-kawża prinċipali dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.
(1) ĠU 134, 22.05.2010
Full & Egal Universal Law Academy