6.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Setembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tad-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis — il-Greċja) — Zoi Chatzi vs Ypourgos Oikonomikon
(Kawża C-149/10) (1)
(Politika soċjali - Direttiva 96/34/KE - Ftehim qafas fuq il-leave parentali - Interpretazzjoni tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas - Benefiċjarju tad-dritt għal-leave parentali - Leave parentali f’każ ta’ twelid ta’ tewmin - Kunċett ta’ ‘twelid’ - Teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ tfal imwielda - Prinċipju ta’ trattament ugwali)
2010/C 301/04
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Dioikitiko Efeteio Thessalonikis
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Zoi Chatzi
Konvenut: Ypourgos Oikonomikon
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Dioikitiko Efeteio Thessalonikis — Interpretazzjoni tal-Klawżola 2.1 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285) flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83, p. 389) — Leave parentali mogħti meta jitwieldu tewmin — Għoti ta’ leave parentali wieħed biss meta jitwieldu tewmin — Ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq it-twelid u minħabba restrizzjoni tad-drittijiet tat-tfal tewmin li mhijiex permess taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità?
Dispożittiv
(1)
Il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti lit-tfal dritt individwali għal-leave parentali
(2)
Il-Klawżola 2.1 tal-imsemmi ftehim qafas ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-twelid ta’ tewmin jagħti dritt għal numru ta’ perijodi ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu. Madankollu, meta tinqara fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, din il-klawżola timponi fuq il leġiżlatur id-dmir li jdaħħal fis-seħħ sistema ta’ leave parentali li, skont is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat, tiżgura lill-ġenituri ta’ tewmin trattament li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax dan ir-rekwiżit u, jekk ikun il-każ, tagħti lill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn possibbli, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
(1) ĠU C 148, 05.06.2010
Full & Egal Universal Law Academy