22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 12 de Sevilla — Spanja) Francisco Javier Rosado Santana vs Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía
(Kawża C-177/10) (1)
(Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien fiss - Klawżola 4 - Applikazzjoni tal-ftehim qafas fil-qasam tas-servizz pubbliku - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni)
2011/C 311/15
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 12 de Sevilla
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Francisco Javier Rosado Santana
Konvenuta: Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 12 de Sevilla — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat 28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 368) — Anness, klawżola 4 (prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni) — Kamp ta’ applikazzjoni — Diskriminazzjoni meqjusa ammissibbli mill-qorti kostituzzjonali — Obbligi tal-qorti nazzjonali
Dispożittiv
(1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss li jinsab fl-anness tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, japplikaw għall-kuntratti u r-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku u, min-naħa l-oħra, jeżiġu li jiġi eskluż kull trattament differenti bejn l-impjegati permanenti taċ-ċivil u l-impjegati temporanji taċ-ċivil komparabbli ta’ Stat Membru biss għar-raġuni li dawn tal-aħħar jaħdmu għal żmien fiss, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-kalwżola 4(1) tal-imsemmi ftehim qafas.
(2)
Il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn impjegat temporanju taċ-ċivil ta’ amministrazzjoni pubblika ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess ta’ dan tal-aħħar, li fil-frattemp ikun sar impjegat permanenti taċ-ċivil, għal promozzjoni interna li huma eliġibbli għaliha biss l-impjegati permanenti taċ-ċivil, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1 ta’ din il-klawżola. Il-fatt, waħdu, li l-impjegat temporanju taċ-ċivil wettaq l-imsemmija perijodi ta’ servizz abbażi ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien fiss ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva.
(3)
Id-dritt primarju tal-Unjoni, id-Direttiva 1999/70 u l-imsemmi ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni miġjuba minn impjegat permanenti taċ-ċivil kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-kandidatura tiegħu f’kompetizzjoni u bbażata fuq il-fatt li din il-proċedura kisret il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas għandha ssir f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi invokat kontra impjegat permanenti taċ-ċivil, kandidat f’din il-kompetizzjoni, li ġie ammess għall-eżamijiet u li ismu kien inkluż fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni jekk ikun tali li jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ xahrejn jista’ jibda jiddekorri biss mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tannulla l-ammissjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni u n-nomina tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp superjuri.
(1) ĠU C 179, 03.07.2010.
Full & Egal Universal Law Academy