29.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Naczelny Sąd Administracyjny — ir-Repubblika tal-Polonja) — Jarosław Słaby vs Minister Finansów
(Kawża C-180/10 u C-181/10) (1)
(Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Kunċett ta’ persuna taxxabbli - Bejgħ ta’ artijiet għall-bini - Artikoli 9, 12 u 16 - Nuqqas ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud)
2011/C 319/12
Lingwa tal-kawża: il-Polakk
Qorti tar-rinviju
Naczelny Sąd Administracyjny
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Jarosław Słaby
Konvenuta: Minister Finansów
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Naczelny Sąd Administracyjny — Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Bejgħ ta’ numru ta’ biċċiet ta’ art għall-bini — Il-bejjiegħ huwa kkunsidrat bħala persuna taxxabli fil-każ fejn l-art tagħmel parti mill-operat agrikolu tal-bejjiegħ u fejn dan tal-aħħar ikun temm l-attivitajiet tiegħu wara li l-komun ikklassifika mill-ġdid l-art tiegħu bħala art għall-bini
Dispożittiv
Il-provvista ta’ art iddestinata għall-kostruzzjoni għandha titqies bħala li hija suġġetta għall-VAT skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jekk dan l-Istat Membru għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, irrispettivament min-natura permanenti tat-tranżazzjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tkun wettqet il-provvista teżerċitax l-attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, sakemm din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix is-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
Persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, ġiet riklassifikata f’art iddestinata għall-kostruzzjoni, ma għandhiex titqies bħala suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/112, meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art, jekk dan il-bejgħ jidħol fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ din il-persuna.
Min-naħa l-oħra, jekk din il-persuna tipproċedi, bi ħsieb li twettaq l-imsemmi bejgħ, b’inizjattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi tuża mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, din il-persuna għandha titqies bħala li teżerċita “attività ekonomika” fis-sens tal-imsemmi artikolu u għandha, għalhekk, titqies bħala persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Il-fatt li din il-persuna hija “bidwi b’rata fissa” fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva VAT ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward.
(1) ĠU C 179, 03.07.2010
Full & Egal Universal Law Academy