19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State — il-Pajjiżi l-Baxxi) — Baris Unal vs Staatssecretaris van Justitie
(Kawża C-187/10) (1)
(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE - Turkija - Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) - Ċittadin Tork - Permess ta’ residenza - Riunifikazzjoni tal-familja - Separazzjoni tal-koppja - Irtirar tal-permess ta’ residenza - Effett retroattiv)
2011/C 340/05
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Baris Unal
Konvenut: Staatssecretaris van Justitie
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Raad van State — Interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija — Dritt ta’ residenza taċ-ċittadini Torok — Permess ta’ residenza mogħti lil ċittadin Tork sabiex ikun jista’ jgħix mas-sieħba tiegħu — Separazzjoni tal-koppja li l-awtoritajiet kompetenti ma kinux jafu biha — Irtirar tal-permess ta’ residenza
Dispożittiv
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork b’effett retroattiv fid-data li fiha r-raġuni li għaliha d-dritt nazzjonali jissuġġetta l-għoti tal-permess tiegħu waqfet teżisti, meta dan il-ħaddiem ma kien instab ħati ta’ ebda aġir frawdolenti, u li dan l-irtirar seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena xogħol regolari previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1).
(1) ĠU C 195, 17.07.2010
Full & Egal Universal Law Academy